Xi Tfisser is-Sena 2026 għall-Knisja? | Mumenti Ewlenin li Għandek Tkun Taf 🇻🇦
- Jan 11
- 4 min read
Is-sena 2026 hija waħda importanti għall-Knisja Kattolika. Hija sena li ssegwi żmien speċjali ta’ grazzja, il-Ġublew tat-Tama, u li tistieden lill-Knisja biex tkompli timxi ‘l quddiem fil-fidi u r-responsabbiltà. Din is-sena hija wkoll l-ewwel sena kompluta tal-pontifikat tal-Papa Ljun, kapitlu ġdid għall-ħajja tal-Knisja. Matul l-2026, il-Knisja se tesperjenza mumenti ta’ ċelebrazzjoni, riflessjoni, teħid ta’ deċiżjonijiet, u tiġdid, kemm fuq livell spiritwali u wkoll prattiku. Dan l-artiklu jħares lejn xi wħud mill-avvenimenti ewlenin li se tesperjenza l-Knisja matul din is-sena, filwaqt li jgħinna nifhmu xi tfisser l-2026 għall-Knisja u għall-fidi tagħna.
L-Għeluq tal-Ġublew tat-Tama: 6 ta’ Jannar
Fis-6 ta’ Jannar ta’ din is-sena, il-Knisja Kattolika ċċelebrat l-għeluq uffiċjali tal-Ġublew tat-Tama, sena speċjali ta’ grazzja li bdiet fl-24 ta’ Diċembru 2024 mill-Papa Franġisku. Il-Ġublew ġibed miljuni ta’ pellegrini lejn Ruma, u offra mumenti ta’ talb, rikonċiljazzjoni, u tiġdid spiritwali. Fis-Solennità tal-Epifanija, il-Papa Ljun XIV mexxa quddiesa solenni fil-Bażilika ta’ San Pietru fejn matul iċ-ċerimonja, niżel għarkupptejh jitlob fuq l-għatba tal-Bieb Imqaddes qabel m’għalqu, li simbolikament jirrappreżenta t-tmiem tas-sena tal-Ġublew. Il-Papa fakkar ukoll li l-messaġġ ta’ tama u ħniena għandu jkompli lil hinn mill-Ġublew, permezz ta’ atti ta’ karità, rikonċiljazzjoni, u fidi fil-ħajja ta’ kuljum. Ħafna pellegrini u membri tal-kleru minn madwar id-dinja attendew dan l-avveniment storiku.

Il-Konċilju Straordinarju tal-Kardinali: 7-8 ta’ Jannar
Fil-ġranet ta’ wara l-għeluq tal-Ġublew tat-Tama, il-Papa Ljun żamm Konċilju Straordinarju tal-Kardinali f’Ruma, wieħed mill-ewwel atti ewlenin tiegħu bħala Papa. Madwar 170 kardinal minn madwar id-dinja, fosthom il-Kardinal Malti Mario Grech, iltaqgħu biex jiddiskutu l-prijoritajiet tal-Knisja, inkluż l-impennji missjunarji, l-irwol tas-sinodalità fit-teħid tad-deċiżjonijiet, u modijiet kif jistgħu jiġu appoġġjati aħjar il-vittmi tal-abbuż. Il-laqgħa enfasizzat ukoll il-kollaborazzjoni, u d-djalogu, u tat ukoll lill-kardinali ċ-ċans li jagħtu pariri direttament lill-Papa kif ukoll li jirriflettu flimkien miegħu dwar il-missjoni tal-Knisja. Matul il-konċistorju, il-Papa Ljun ħabbar ukoll l-intenzjoni tiegħu li jagħmel dawn il-laqgħat avvenimenti annwali, u skeda s-sessjoni li jmiss għas-27 u t-28 ta’ Ġunju ta’ din is-sena.

L-Appell tal-Każ tal-Kardinal Becciu: 3 ta’ Frar
Fit-3 ta’ Frar, il-Vatikan se jżomm is-seduta tal-appell tal-Kardinal Angelo Becciu, wara l-kundanna tiegħu f’Diċembru tal-2023 għal approprijazzjoni ta’ fondi u problemi fil-maniġġjar tal-finanzi relatati ma’ investiment fallut fi propjetà f’Londra, li swiet lis-Sant Sede għexieren ta’ miljuni ta’ ewro. Fl-2023, huwa ngħata sentenza ta’ ħames snin u nofs ħabs u ġie pprojbit milli jkollu kwalunkwe kariga fil-Vatikan. Il-Kardinal Becciu caħad b’mod konsistenti li għamel xi ħaġa ħażina u argumenta li l-evidenza kruċjali ma ġietx ikkunsidrata kif suppost waqt il-proċess. L-appell li ġej se jippermetti lilu u lill-avukati tiegħu biex jikkontestaw kemm il-fatti kif ukoll l-aspetti proċedurali tas-sentenza oriġinali quddiem il-Qorti tal-Appell tal-Vatikan. Il-każ ġibed attenzjoni internazzjonali, u enfasizza l-isforzi tal-Knisja għat-trasparenza, ir-responsabbiltà, u l-istat tad-dritt fi ħdan l-istituzzjonijiet tagħha stess.
Beatifikazzjonijiet
Fl-2026, il-Knisja se tiċċelebra diversi beatifikazzjonijiet ġodda, fejn tirrikonoxxi l-qdusija u l-fidi ta’ rġiel u nisa minn madwar id-dinja. L-ewwel waħda hija ta’ Salvador Valera Parra, saċerdot djoċesan Spanjol li l-beatifikazzjoni tiegħu se ssir fis-7 ta’ Frar fi Huércal-Overa, ġewwa Spanja, ippreseduta mill-Kardinal Marcello Semeraro. Aktar tard fis-6 ta’ Ġunju, Jan Świerc, qassis Salesjan, u tmien kumpanni, li mietu martri matul it-Tieni Gwerra Dinjija, se jiġu beatifikati fi Kraków, ġewwa l-Polonja, mill-istess Kardinal Semeraro. Finalment, Francis Xavier Trương Bửu Diệp, qassis djoċesan u martri mill-Vjetnam, se jiġi beatifikat fit-2 ta’ Lulju f’Cần Thơ mill-Kardinal Luis Antonio Tagle. Minbarra dawn id-dati kkonfermati, il-Vatikan se jkompli jipproċessa diversi kawżi oħra, inkluż saċerdoti, lajċi u martri minn pajjiżi bħall-Italja, l-Arġentina, il-Polonja u l-Brażil. S’issa għall-2026 m’hemm l-ebda kanonizzazzjoni ppjanata hekk kif l-ebda qaddis ġdid għadu ma tħabbar uffiċċjalment mill-Vatikan.

Il-Jum Dinji għat-Tfal: 25-27 ta’ Settembru
Mill-25 sas-27 ta’ Settembru, il-Papa Ljun XIV se jiċċelebra t-tieni Jum Dinji tat-Tfal f’Ruma, laqgħa globali għat-tfal u l-familji tagħhom. L-avvenimeent ser jikludi talb, riflessjonijiet, u attivitajiet festivi li jenfasizzaw l-importanza tat-tfal fi ħdan il-Knisja. Waqt udjenz ġenerali f’Novembru li għadda, il-Papa bierek bandiera bil-logo uffiċjali, u l-Kardinal Kevin Farrel enfasizza kif il-jum iħeġġeġ lit-tfal jesperjenzaw il-paċi u l-ferħ, kemm fil-familji tagħhom kif ukoll fil-komunitajiet ta’ madwarhom. Wara s-suċċess tal-ewwel Jum Dinji tat-Tfal fl-2024, l-edizzjoni tal-2026 ser tkompli l-impenn tal-Knisja li tisma’ u tkun ta’ appoġġ għat-tfal madwar id-dinja.
Restawr fil-Kappella Sistina
F’Jannar ta’ din is-sena, il-Vatikan ser ikun qiegħed jibda proġett rari ta’ manutenzjoni fuq l-afresk tal-Aħħar Ġudizzju ta’ Michelagelo, li jinsab mal-ħajt tal-artal tal-Kappella Sistina. Sistema sħiħa ta’ scaffolding se tgħatti l-ħajt biex tim ta’ restawraturi jkunu jistgħu jnaddfu, jikkonsolidaw, u jipproteġu din l-opra ta’ arti bir-reqqa. Il-proġett mistenni jdum tliet xhur, u għandu jkun lest fi tmiem ta’ Marzu, eżatt qabel il-Ġimgħa Mqaddsa. Miżbugħ bejn l-1536 u l-1541, l-afresk għadu sal-lum iservi ta’ stedina biex wieħed jirrifletti fuq il-ġustizzja, il-ħniena, u l-misteru tal-ġudizzju divin. Ir-restawr jenfasizza l-impenn kontinwu tal-Knisja sabiex tippreserva l-wirt artistiku, storiku, u spiritwali tagħha għall-pellegrini u l-viżitaturi.

Vjaġġi Appostoliċi
Fl-2026, il-Papa Ljun XIV mistenni jivjaġġa wkoll bħala parti mill-missjoni appostolika tiegħu biex jiltaqa’ mal-Kattoliċi u jippromwovi d-djalogu madwar id-dinja. Il-mexxejja tal-Knisja fi Spanja kkonfermaw li żjara appostolika fi Spanja qed tiġi ppjanta u x’aktarx ser issir din is-sena. Id-destinazzjonijiet huma mistennija li jkunu Madrid, Barċellona, u l-Gżejjer Kanarji, iżda d-dati għadhom ma ġewx stabbiliti uffiċjalment u l-itinerarju għadu qed jiġi ffinalizzat. Barra minn hekk, il-Papa wera x-xewqa li jżur ukoll l-Alġerija u partijiet oħra tal-Afrika biex jonora lil Santu Wistin, kif ukoll pajjiżi oħra bħall-Perù, l-Arġentina, u l-Urugwaj, għalkemm dawn il-vjaġġi huma wkoll proviżorji u jiddependu fuq aktar ippjanar.
Mill-għeluq tal-Ġublew tat-Tama, sa beatifikazzjnijiet ġodda, vjaġġi appostoliċi pjanati, u r-restawr tal-afresk tal-Aħħar Ġudizzju, il-Knisja turi kif fis-sena 2026 ser tkompli taħdem favur il-fidi, l-għaqda, id-djalogu, u l-paċi madwar id-dinja. Bħala l-ewwel sena kompluta tal-Papa Ljun XIV, din is-sena tidher li se tkun waħda li tkompli tappoġġja l-Kattoliċi u l-Knisja madwar id-dinja kollha.
Comments