top of page

Santu Wistin 🧠

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Aug 28
  • 2 min read
ree

Santu Wistin twieled fit-13 ta’ Novembru 354 f’Tagaste, illum  parti mill-Alġerija. Ommu Monika kienet mara Nisranija devota ħafna, filwaqt li missieru Patrizju kien pagan.

 

Meta kien żgħir, Wistin kien student brillanti, iżda żgħożitu kienet ukoll ikkaratterizzata minn natura rilbelluża u t-tfittxija għall-pjaċir. Dan wasslu biex ikollu relazzjoni ma’ mara li minnha kellu wkoll iben, Adeodatu.

 

F’dan iż-żmien, Wistin tbiegħed mill-fidi Nisranija u beda jħaddan il-Manikeiżmu, ereżija li kienet tgħid li l-univers hu maqsum bejn forzi opposti ta’ dawl u dlam, fejn l-ispiritwalità kienet assoċjata mat-tajjeb, u l-materjalità mal-ħażen. Madankollu, maż-żmien, Wistin beda jiddiżilluża ruħu mill-Manikeiżmu u resaq lejn in-Neoplatoniżmu, sistema filosofika li ġabitu eqreb lejn l-idea ta’ Alla wieħed. Wistin kien ukoll jgħallem il-grammatika Latina f’Tagaste, u eventwalment anke f’Ruma u f’Milan fejn proprju kkonverta. Kien għatxan għall-għerf u sab dak li xtaq meta sema’ lill-Isqof ta’ Milan, San Ambroġ jipprietka. Dan l-Isqof, flimkien mal-istudji tan-Neoplatoniċi, għenuh iħoll il-problema tal-materjaliżmu u tal-ħażen.

 

Wistin ikkonverta fl-eta ta’ 44 sena f’Awwissu tas-sena 386, u ġie mgħammed waqt il-Vġili tal-Għid tas-sena ta’ wara flimkien ma’ ibnu Adeodatu f’Milan. Wara l-Magħmudija tiegħu, Santu Wistin irritorna lejn l-Afrika ta’ Fuq fejn sar saċerdot u eventwalment isqof ta’ Ippona fis-sena 396.

 

Bħala Isqof, hu ħadem ħafna biex ixerred il-fidi, u l-kitbiet tiegħu kellhom ukoll influenza profonda fuq l-Insara tal-Punent. Wistin kien ukoll jieħu ħsieb il-fqar, ir-romol, u l-morda permezz ta’ żjarat f’darhom stess u t-tqassim ta’ diversi neċessitajiet bażiċi.

 

Santu Wistin miet fit-28 ta’ Awwissu tas-sena 430, matul l-Assedju tal-Vandali f’Ippona. Hu ġie midfun fil-Bażilika Pacis ġewwa Ippona, iżda matul iż-żmien il-fdalijiet tiegħu ittieħdu Sardinja u aktar tard fil-belt ta’ Pavia, fl-Italja, fejn għadhom jinsabu sal-lum il-ġurnata fil-Bażilika ta’ San Pietru f’Ciel d’Oro.

 

Il-festa ta’ Santu Wistin hija ċċelebrata kull sena fit-28 ta’ Awwissu, u huwa magħruf ukoll bħala l-qaddis patrun tat-teologi, l-istampaturi, u dawk li jaħdmu fil-fabriki tal-birra.

 

Comments


bottom of page