Santu Wistin 🧠
- ghalikukoll
- Aug 24, 2024
- 1 min read

Santu Wistin twieled fit-13 ta’ Novembru 354 f’Tagaste, illum parti mill-Alġerija. Ommu Monika kienet mara Nisranija devota ħafna, filwaqt li missieru Patrizju kien pagan.
Meta kien żgħir, Wistin kien student brillanti, iżda żgħożitu kienet ukoll ikkaratterizzata minn natura rilbelluża u t-tfittxija għall-pjaċir. Dan wasslu biex ikollu relazzjoni ma’ mara li minnha kellu wkoll iben, Adeodatu.
F’dan iż-żmien, Wistin tbiegħed mill-fidi Nisranija u beda jħaddan il-Manikeiżmu li kien jgħid li l-univers hu maqsum bejn forzi opposti ta’ dawl u dlam, fejn l-ispiritwalità kienet assoċjata mat-tajjeb u l-materjalità mal-ħażen. Madankollu, maż-żmien, Wistin beda jiddiżilluża ruħu mill-Manikeiżmu u resaq lejn in-Neoplatoniżmu, sistema filosofika li ġabitu eqreb lejn l-idea ta’ Alla wieħed. Wistin kien ukoll jgħallem il-grammatika Latina f’Tagaste, u eventwalment anke f’Ruma u f’Milan fejn proprju kkonverta. Kien għatxan għall-għerf u sab dak li xtaq meta sama’ lill-Isqof ta’ Milan, San Ambroġ jipprietka. Dan l-Isqof, flimkien mal-istudji tan-neoplatoniċi, għenuh iħoll il-problema tal-materjaliżmu u tal-ħażen.
Wistin ikkonverta fl-eta ta’ 44 sena f’Awwissu tas-sena 386, u ġie mgħammed waqt il-viġilja tal-Għid is-sena ta’ wara flimkien ma’ ibnu Adeodatu f’Milan. Wara l-Magħmudija tiegħu, Santu Wistin irritorna lejn l-Afrika ta’ Fuq fejn sar saċerdot u eventwalment isqof ta’ Ippona fis-sena 396.
Bħala Isqof, hu ħadem ħafna biex ixerred il-fidi, u l-kitbiet tiegħu kellhom ukoll influenza profonda fuq l-Insara tal-Punent. Wistin kien ukoll jieħu ħsieb il-fqar, ir-romol, u l-morda permezz ta’ żjarat f’darhom stess u t-tqassim ta’ diversi neċessitajiet bażiċi.
Santu Wistin miet fit-28 ta’ Awwissu 430 matul l-Assedju tal-Vandali f’Ippona. Hu ġie midfun fil-Bażilika Pacis ġewwa Ippona, iżda aktar tard il-fdalijiet tiegħu ittieħdu Sardinja u wara anki fil-belt ta’ Pavia fl-Italja fejn għadhom jinsabu sal-lum il-ġurnata fil-Bażilika ta’ San Pietru f’Ciel d’Oro.
Comments