top of page

Santa Tereża ta' Kalkutta ❤

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Aug 31, 2024
  • 2 min read

Agnes Gonxha Bojaxhiu twieldet fis-26 ta’ Awwissu tal-1910 fi Skopje, illum parti mill-Maċedonja. Il-familja tagħha kienet ta’ dixxendenza Albaniża. Missierha, negozjant ta’ suċċess kbir, miet meta Agnes kellha biss tmien snin, u wara mewtu il-familja tagħha għaddiet minn xi żminijiet finanzjarjament diffiċli. Minkejja dan, omm Agnes baqgħet tinsisti fuq l-importanza li tmexxi ħajja Nisranija tajba u li tgħin lil dawk li huma inqas ixxurtjati.



Ta’ 12-il sena, ħasset sejħa għall-ewwel darba biex issir soru u tiddedika ħajjitha lil Alla, u ta’ 18-il sena ingħaqdet mas-Sorijiet ta’ Loreto, ordni Kattoliku Irlandiż b’missjonijiet fl-Indja. Wara li rċeviet it-taħriġ fl-Irlanda, hi vjaġġat lejn Kalkutta fl-Indja lejn l-aħħar tal-1928 biex tibda l-missjoni tagħha. F’Mejju tal-1931 ħadet l-ewwel wegħdiet tagħha bħala soru, fejn rċeviet l-isem Tereża, wara Santa Tereża ta’ Lisieux. Sitt snin wara, ħadet l-aħħar wegħdiet tagħha, u saret magħrufa bħala Madre Tereża.


Bejn l-1931 u l-1948, Madre Tereża għallmet il-Ġeografija, l-Istorja, u l-Katekiżmu fl-iskola ta’ Santa Marija f’Kalkutta, u iktar tard bdiet tagħmel ukoll parti mit-tim tat-tmexxija tal-iskola. Regolarment, hi kienet iżżur ukoll il-partijiet foqra tal-belt, fejn kienet tara t-tbatija dejjem tiżdied b’mod speċjali waqt il-perjodu ta’ ġuħ tal-1943 li qatel eluf ta’ nies.


Fl-10 ta’ Settembru tal-1946, Santa Tereża tgħid li ġietha t-tieni sejħa tagħha waqt li kienet fuq ferrovija lejn Darjeeling u semgħet l-għajta muġugħa ta’ Ġesù msallab jgħid “Għandi l-għatx”. Din il-frażi baqgħet imwaħħla f’moħħha tul il-vjaġġ kollu, u eventwalment iddeċidiet li titlaq mill-kunvent u tiddedika ruħha  biex tgħin lill-fqar u l-emarġinati. Fl-1950, Madre Tereża rċeviet permess biex twaqqaf l-ordni tagħha stess, il-Missjunarji tal-Karità. L-iskop ta’ dan l-ordni kien li jgħinu lill-fqar waqt li jgħixu magħhom, jaqsmu l-esperjenzi tagħhom ma’ xulxin, u jitrattawhom b’qalb tajba, kompassjoni, u empatija. Madre Tereża u dawk li ssieħbu magħha bnew ukoll diversi faċilitajiet bħal skejjel, akkomodazzjoni għall-fqar, djar tal-anzjani, u sptarijiet.


Maż-żmien l-Missjunarji tal-Karità bdew jinfirxu f’pajjiżi oħrajn, u hi bdiet tikseb fama internazzjonali għax-xogħol tagħha, tant li fl-1979 irċeviet il-Premju Nobel għall-Paċi.


Wara li sofriet minn attakk tal-qalb fl-1989, Madre Tereża ppruvat tirriżenja minn kap tal-Missjunarji tal-Karità, iżda minħabba l-appoġġ tas-sorijiet l-oħra, baqgħet f’din il-pożizzjoni sal-1997, meta s-saħħa tagħha kompliet tmur lura. Madre Tereża mietet fil-5 ta’ Settembru tal-1997 f’Kalkutta wara attakk tal-qalb ieħor.


Fl-2003 hi ġiet ibbeatifikata mill-Papa Ġwanni Pawlu II, sakhemm iddikjarha qaddisa il-Papa Franġisku fl-2016.  

Comments


bottom of page