Santa Rita 🌹
- ghalikukoll
- May 17
- 2 min read

Santa Rita twieldet fl-1381, f’villaġġ żgħir jismu Roccaporena, viċin Cascia fiċ-ċentru tal-Italja. Il-ġenituri tagħha, Antonio u Amata Lotti, kienu magħrufin għar-reliġjożità u t-tjubija tagħhom, u għalhekk Rita trabbiet fil-fidi.
Â
Sa minn età żgħira hija wriet ħajra kbira għall-ħajja reliġjuża, iżda ta’ tnax-il sena Rita żżewġet raġel magħżul mill-ġenituri tagħha, kif kienet id-drawwa dak iż-żmien. Ir-raġel tagħha, Paolo Mancini, kien magħruf għat-temprerament vjolenti tiegħu, u ta’ spiss kien ikun involut f’xi argument. Minkejja dawn id-diffikultajiet, Rita baqgħet tieħu paċenzja, u titlob għalih, filwaqt li trabbi ż-żewġ ulied subien tagħha. Iżda darba waħda, Paolo inqatel waqt argument jaħraq. Rita ħafret lill-assassini ta’ żewġha, u meta saret taf li wliedha kellhom il-ħsieb li jpattuhielhom, bdiet titlob b’qalbha kollha lill-Mulej biex jeħlishom minn dan id-dnub. Infatti, ftit qabel ma kienu se jwettqu l-pjan tal-qtil tagħhom, uliedha mardu u mietu t-tnejn.
Â
Armla u bla tfal, Rita fittxet li tingħaqad mal-kunvent tal-Agostinjani f’Cascia. Inizjalment ġiet miċħuda minħabba li ma kinitx verġni, iżda eventwalment, wara ħafna talb irnexxilha ssir soru u tidħol tgħix fil-kunvent magħhom, fejn għexet għal aktar minn erbgħin sena. F’din il-ħajja ġdida tagħha, Santa Rita saret magħrufa fost kulħadd minħabba d-dedikazzjoni għat-talb, il-penitenza, u l-karita li kienet tagħmel.
Â
Maż-żmien, hija żviluppat ukoll devozzjoni profonda lejn il-Passjoni ta’ Kristu fejn fost l-oħrajn kienet titlob biex tieħu sehem fit-tbatijiet tiegħu. Fl-1442, waqt li kienet qed titlob quddiem kurċifiss, waqgħet xewka mill-kuruna tiegħu u laqtitha f’moħħa. Din l-esperjenza mistika kkawżatilha wġiegħ kbir, u kif xtaqet, Santa Rita saret simbolu ta’ tbatija u għaqda ma’ Kristu.
Â
Hija qattgħet l-aħħar snin tagħha marida fis-sodda, iżda minkejja t-tbatija tagħha baqgħet dejjem ferrieħa u ottimista. Santa Rita mietet fit-22 ta’ Mejju tal-1457, u llum il-ġurnata l-fdalijiet tagħha jinsabu inkorrotti f’santwarju ddedikat għaliha f’Cascia stess. Hija ġiet ibbeatifikata fl-1626 mill-Papa Urbani VIII, u aktar tard fl-1900, il-Papa Ljun XIII iddikjaraha qaddisa. Il-festa ta’ Santa Rita hija ċċelebrata fit-22 ta’ Mejju, u hija mgħrufa wkoll bħala l-qaddisa patruna tal-kawżi impossibbli u ż-żwiġijiet abbużivi.
Comments