Santa Monika 👩👦
- ghalikukoll
- Aug 17, 2024
- 1 min read

Santa Monika twieldet fi ħdan familja nisranija sinjura fir-raba seklu f’Tagaste, illum l-Alġerija. Ta’ sittax-il sena, hi rċeviet is-sagramenti tal-Magħmudija u għamlet l-Ewwel Tqarbina.
Madwar erba’ snin wara, hi żżewġet lil Patrizju, żagħżugħ pagan li huwa magħruf għall-karattru vjolenti u l-infedeltà tiegħu. Monika sofriet ħafna minnħabba żewġha, iżda minkejja dan, hi dejjem fittxet li tkun twajba u paċenzjuża miegħu, u baqgħet titlob li xi darba żewġha jikkonverti, kif eventwalment ġara ftit qabel ma miet fis-sena 270. Minn Patrizju hi kellha tlett itfal, fosthom Santu Wistin.
Ta’ sittax il-sena, Wistin mar jistudja fil-belt ta’ Kartaġni, fejn iltaqa’ ma’ mara li minnha kellu tifel barra ż-żwieġ. Barra minn hekk, Wistin kienu ukoll beda jħaddan l-ereżija tal-Manikej li kienet tgħid li l-univers hu maqsum bejn forzi opposti ta’ dawl u dlam, fejn l-ispiritwalità kienet assoċjata mat-tajjeb u l-materjalità mal-ħażen. Wistin kompla jdur diversi bliet fosthom Ruma u Milan, u b’qalba maqsuma Santa Monika kienet tmur miegħu biex tipprova tikkonvinċih ma jkomplix jgħix f’dik il-ħajja ta’ dnub.
Wara snin ta’ talb u sawm, l-isforzi tagħha wasslu biex Wistin ikkonverta għall-Kristjaneżmu u tgħammed fis-sena 387. Wara dan, Santa Monika flimkien ma’ Wistin u t-tifel tiegħu telqu minn Milan biex imorru lura lejn l-Afrika. Meta kienu fil-belt ta’ Ostia, Monika mardet u mietet disat ijiem wara fl-istess post. Hi indifnet f’Ostia iżda fl-1430, il-Papa Martin V ħa ir-relikwi tagħha Ruma fejn għadhom sal-lum il-ġurnata fil-Knisja ta’ Santu Wistin.
Il-festa tagħha hija ċċelebrata fis-27 ta’ Awwissu, u hija magħrufa wkoll bħala l-qaddisa patruna tal-ommijiet u n-nisa miżżewġin.
Comments