top of page

Santa Katerina ta' Sienna 👩‍⚕️

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Apr 26
  • 2 min read

Katerina Benincasa twieldet fil-25 ta’ Marzu 1347, fi Siena, l-Italja. Hi kienet it-32 wild ta’ Jacopo u Lapa Benincasa, u ta’ tifla żgħira, kienet diġà miġbuda għat-talb u s-solitudni. Ta’ sitt snin, Katerina kellha l-ewwel viżjoni tagħha fejn rat lil Kristu miexi fit-toroq ta’ Siena. Din l-esperjenza wasslitha biex tiddedika ruħha għal kollox lil Alla, u żviluppat drawwiet ta’ sawm, talb għal sigħat twal, u awtodixxiplina.

 

Ta’ 12-il sena, il-ġenituri tagħha riduha tiżżewweġ, kif kienet id-drawwa għan-nisa żgħażagħ dak iż-żmien. Madankollu, Katerina rrifjutat hekk kif kienet diġà wegħdet lilha nnifisha lil Kristu. Il-ġenituri tagħha ppruvaw jagħmlu pressjoni fuqha, iżda eventwalment missierha aċċetta d-deċiżjoni tagħha u ppermettilha ssegwi t-triq spiritwali tagħha. Ta’ 16-il sena, Katerina daħlet mat-Terzjarji Dumnikani, fergħa lajka tad-Dumnikani li kienu jgħixu fid-djar tagħhom stess. Hawnhekk, hija bdiet perjodu ta’ solitudni intensa, fejn iddedikat ruħha għat-talb, is-sawm, u l-awtomortifikazzjoni.

 

Ta’ 19-il sena, Katerina kella viżjoni oħra fejn rat lil Kristu jpoġġi ċurkett fuq subgħaha, u din il-viżjoni ġabet bidla fil-mentalità tagħha. Alla sejħilha biex tħalli s-solitudni tagħha u taqdi lill-oħrajn, u Katerina bdiet tieħu ħsieb lill-foqra, lill-morda, u lill-priġunieri u offritilhom gwida spiritwali u faraġ. Waqt il-pandemija tal-pesta, hi ħadmet b’kuraġġ kbir, u ġieli saħansitra difnet il-morda hi stess.

 

Fl-1370, waqt li kienet qed issofri minn marda severa, Katerina kellha viżjoni fejn rat il-ġenna, l-infern, u l-purgatorju. Barra minn hekk, hi rċeviet ukoll mandat divin biex tidħol fil-ħajja pubblika u tgħin fir-riforma tal-Knisja, u ftit wara, bdiet tikteb ittri lill-ħakkiema, isqfijiet, u anke lill-Papa biex tagħtiom pariri fuq kwistjonijiet spiritwali u politiċi. Fl-1375, waqt li kienet f’Pisa, Katerina rċeviet il-pjagi, iżda b’differenza minn stigmatiċi oħrajn, il-feriti tagħha baqgħu inviżibbli matul ħajjitha u saru viżibbli biss wara mewtha.

 

Fi ż-żmien li l-Papa Girgor XI kien eżiljat f’Avignon, fi Franza, Katerina għarfet li l-għaqda tal-Knisja kienet tiddependi fuq ir-ritorn tiegħu, u għalhekk vjaġġat biex tiltaqa’ miegħu fejn ħeġġitu biex jirritorna Ruma. Kliemha kellu effett profond fuq il-papa, li fl-1377 irritorna lura Ruma. Iżda wara l-mewt tal-Papa Girgor XI, inqalgħet xiżma fi ħdan il-Knisja fejn ġew eletti żewġ Papiet rivali: Urbanu VI f’Ruma, u Klement VII f’Avignon. Katerina ddefendiet bil-qawwa lil Urbani VI, u kitbet ukoll ittri lill-ħakkiema, lill-kardinali, u lill-kleru fejn ħeġġithom jappoġġjawh u jżommu l-għaqda tal-Knisja. Madanakollu, l-istress ta’ dawn il-battalji beda jħalli effett ħażin fuq saħħitha.

 

Fil-bidu tal-1380, is-saħħa ta’ Katerina naqset drastikament u bdiet tiddgħajjef kuljum. Hi offriet it-tbatija tagħha bħala sagrifiċċju għall-għaqda tal-knisja, u ma waqfet qatt titlob għall-paċi u tiddetta l-ittri. Katerina mietet fl-istess sena, fid-29 ta’ April, f’Ruma, ta’ 33 sena. Il-ġisem tagħha ġie midfun fil-Knisja ta’ Santa Maria Sopra Minerva f’Ruma, fejn għadu jinstab illum il-ġurnata.

 

Il-Papa Piju II ikkanonizzaha fl-1461, u iktar tard fl-1970, il-Papa Pawlu VI iddikjaraha duttura tl-Knisja. Il-festa tagħha hija ċċelebrata fid-29 ta’ April, u hija magħrufa wkoll bħala l-kopatruna tal-Ewropa, kif ukoll il-qaddisa patruna tal-infermiera, u ta’ dawk irredikolati minħabba l-fidi tagħhom.  

Comments


bottom of page