top of page

Santa Katerina ta' Lixandria 📚

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Nov 23, 2024
  • 1 min read

Santa Katerina għexet lejn l-aħħar tat-tielet seklu fil-belt Eġizzjana ta’ Lixandria. Allavolja ma tantx nafu dwarha, huwa magħruf li kienet żagħżugħa intelliġenti, possibilment ta’ nisel irjali.


Katerina dejjem fittxet li titgħallem, u fil-fatt kien waqt l-istudji tagħha fil-filosofija meta ltaqgħet ma’ kitbiet dwar il-Kristjaneżmu li ħajruha tkompli tfittex. Eventwalment Katerina tgħammdet, u l-lejl ta’ wara kellha viżjoni fejn saret l-għarusa mistika ta’ Ġesù quddiem il-Madonna.


Hija għexet matul il-persekuzzjoni tal-Imperatur Massiminu, u ta’ 18-il sena marret iċċanfru għat-tiranija tiegħu. Meta ra’ dan, Massiminu ma kienx jaf kif se jwiġibha, u sejjaħ 50 għaref biex iwiġbuha huma. Iżda hi rnexxielha tikkonvinċihom bl-argumenti tagħha, u bir-rabja l-imperatur qatilhom. Wara dan Katerina ħarbet, iżda eventwalment l-imperatur qabadha u ħalliha maqfula ġol-ħabs. Meta reġa mar iżurha, huwa sab li martu kienet marret iżżur lil Katerina fil-ħabs, u li kien irnexxielha tikkonverti lilha u lil 200 suldat ieħor. Dawn ġew maqtula, u Katerina ġiet ikkundannata għall-mewt b’rota mdawra bl-imsiemer.


Iżda meta wasal il-ħin biex joqtluha, il-ktajjen li kienet marbuta bihom nħallu u r-rota nkisret. Wara li ġara dan, huma qatluha xorta waħda bil-qtugħ ta’ ras. It-tradizzjoni tgħid li xi anġli ħadu l-ġisem tagħha lejn il-Multanja Sinaj, u li dan instab madwar id-disa’ seklu minn xi patrijiet. Din l-iskoperta wasslet għat-twaqqif tal-Monasteru ta’ Santa Katerina fl-istess post, u speċjalment fl-Ewropa, hija saret waħda mill-aktar qaddisin medjevali popolari.


Il-festa tagħha hija ċċelebrata fil-25 ta’ Novembru, u hija magħrufa wkoll bħala l-qaddisa patrun tal-istudjużi u l-filosofi.

1 kommentti


sammpawlu
24.11.2024

Prosit u grazzi.


Tykkää
bottom of page