top of page

San Ġwann tas-Salib ✝️

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Dec 14, 2024
  • 2 min read

Juan de Yepes Álvarez twieled fir-raħal Spanjol ta’ Fontiveros fl-1542. Missieru miet meta hu kien għadu żgħir u minħabba f’hekk Ġwanni kiber fil-faqar. Minekjja dan, ommu għamlet kull sagrifiċċju biex tiżgura li hu jitgħallem, u għalhekk bagħtitu f’kulleġġ tal-Ġiżwiti.


Wara li spiċċa l-iskola, Ġwanni pprova jitgħallem diversi snajja bħal dawk ta’ mastrudaxxa u ħajjat, iżda finalment iddeċieda li jsir infermier biex ikun jista’ jgħin lill-morda foqra. Huwa kien jagħmel dan ix-xogħol b’dedikazzjoni kbira, u jgħidu li kulħadd kien ikun irid lilu biex idewwihom minħabba l-qalb tajba li kellu.


Maż-żmien, Ġwanni beda jħossu aktar u aktar miġbud lejn il-ħajja reliġjuża. Fl-1563 huwa ddeċieda li jidħol bħala patri mal-Karmelitani, u ħames snin wara ġie ordnat saċerdot. Kien hawnhekk li huwa ltaqa ma’ Santa Tereża ta’ Ávila li spiratu biex iħaddan il-ħajja Karmelitana b’aktar strettezza. Flimkien, huma ħadmu biex jirriformaw l-ordni billi enfasizzaw it-talb, is-sempliċita, u inqas attenzjoni lejn id-distrazzjonijiet tad-dinja. Fl-1569, flimkien ma’ xi reliġjużi oħra huma fetħu l-ewwel dar tal-Karmelitani Riformati f’Duruelo, raħal fqir u minsi. Kien hawnhekk li hu biddel ismu għal San Ġwann tas-Salib, biex juri li s-salib kellu jkun il-mera ta’ ħajtu.


Minħabba r-riformi tiegħu, huwa ffaċċja oppożizzjoni kbira minn Karmelitani oħrajn, u fl-1577 ġie arrestat fejn qatta disa’ xhur fil-ħabs ta’ Toledo. Fil-ħabs, Ġwanni bata ħafna, iżda matul dan iż-żmien ġie spirat ukoll biex jikteb diversi poeżiji u prożi li jesploraw t-temi tal-imħabba divina, l-għaqda tar-ruħ ma’ Alla, u l-qawwa trasformattiva tat-tbatija. F’Awwissu tal-1578, huwa kellu dehra mill-Madonna li nebbħitu kif kellu jaħrab mill-ħabs mill-aktar fis possibli qabel il-festa tagħha, u San Ġwann emmen fiha u għamel dak li qaltlu.


Wara li ħarab mill-ħabs, huwa kompla jaħdem favur il-Karmelitani Skalzi, il-fergħa riformata tal-ordni, u serva wkoll f’diversi rwoli ta’ tmexxija. Madankollu, xorta waħda kien jiġi kritikat għar-riformi u t-tagħlim tiegħu, u dan wassal għat-tneħħija tiegħu minn dawn il-pożizzjonijiet ta’ tmexxija. Maż-żmien San Ġwann marad, u meta ma felaħx jaħdem aktar għażel li jmur fil-kunvent ta’ Ubeda.


Huwa miet f’dan il-kunvent matul il-lejl tal-14 ta’ Diċembru tas-sena 1591. San Ġwann ġie kkanonizzat fl-1726 mill-Papa Benedittu XIII, u iktar tard fl-1926, il-Papa Piju XI għamlu Duttur tal-Knisja. Il-festa tiegħu hija ċċelebrata fl-14 ta’ Diċembru, u huwa magħruf ukoll bħala l-qaddis patrun tal-mistiċi, tal-kontemplattivi, u tal-poeti Spanjoli.

Comments


bottom of page