San Ġwann ta' Alla 🏥
- ghalikukoll
- Mar 8
- 2 min read

João Cidade Duarte twieled f’Montemor, il-Portugal, fit-8 ta’ Marzu 1495. Il-ġenituri tiegħu kienu Insara devoti, u meta kien żgħir wera sinjali ta’ fidi profonda. Iżda ta’ tmien snin, jingħad li telaq minn daru, u spiċċa f’Oropesa, fi Spanja fejn beda jgħix ma’ raġel nobbli. Xi rakkonti jissuġġerixxu li nħataf, iżda oħrajn jgħidu li telaq volontarjament. Fi Spanja, huwa ħadem bħala ragħaj għal diversi snin, u kiber f’żagħżugħ b’saħħtu, iżda ftit li xejn irċieva edukazzjoni formali.
Ta’ 22 sena, João daħal bħala suldat mal-armata Spanjola, fejn iġġieled kontra l-Franċiżi u aktar tard kontra t-Torok fl-Ungerija. Bħal ħafna suldati ta’ żmienu, hu għex ħajja traskurata u kien jieħu sehem fix-xorb, fil-logħob tal-ażżard, u f’attivitajiet oħrajn ta’ divertiment. Darba waħda, João kważi ġie maqtul wara li ġie akkużat b’mod falz b’serq, iżda rnexxielu jaħrab. Huwa ħalla l-militar u kompla jdur fi Spanja u anke l-Afrika ta’ Fuq fejn ħadem bħala ħaddiem tal-idejn, ragħaj, u bejjiegħ tal-kotba fost l-oħrajn. Saħansitra mar pellegrinaġġ lejn Santiago de Compostela, bil-għan li jfittex skop aktar profond għal ħajtu.
Fl-età ta’ 42 sena, João kellu qawmien spiritwali fi Granada, Spanja, wara li sema’ priedka ta’ San Ġwann ta’ Ávila li ġegħlitu jirrifletti dwar id-dnubiet li huwa għamel fil-passat. Dan is-sens ta’ ħtija wasslu biex jaqa’ f’wirja pubblika ta’ indiema. In-nies ħasbu li kien qiegħed jiġġennen, u għalhekk ikkonfinawh fi sptar għal-kura tas-saħħa mentali. F’dan l-isptar, João ra’ b’għajnejh it-tbatija tal-pazjenti bi problemi ta’ saħħa mentali, u tal-fqar, u ħass li kien imsejjaħ biex jgħinhom.
Fl-1539, huwa biddel ismu għal Ġwanni t’Alla, u ddedika ruħu għal kollox biex jieħu ħsieb il-morda, il-fqar, u l-abbandunati. Beda jittallab għall-għajnuna, u eventwalment stabilixxa sptar żgħir fi Granada, fejn kienu jieħu ħsieb personalment u jikkura lil dawn il-pazjenti. Ix-xogħol tiegħu ġibed warajh grupp ta’ rġiel li ddedikaw il-ħin tagħhom biex jgħinuh, u dan wassal għat-twaqqi tal-Ordni tal-Fratelli Ospitalieri, ordni li aktar tard ġiet ukoll rikonoxxuta uffiċjalment mill-Knisja Kattolika.
Wara għaxar snin ta’ ħidma kontinwa, fl-1550 huwa marad wara li pprova jsalva raġel li kien qiegħed jegħreq. Fit-8 ta’ Marzu tal-istess sena, propja f’għeluq sninu, huwa miet għarkopptejh quddiem artal fi Granada. Fl-1690, il-Papa Alessandru VIII ikkanonizzah bħala qaddis, u aktar tard, il-Papa Ljun XIII iddikjarah bħala l-qaddis patrun tal-isptarijiet, l-infermiera, u l-morda.
Wara mewtu, l-Ordni tal-Fratelli Ospitalieri kompliet tinfirex mad-dinja kollha, u llum il-ġurnata din l-ordni topera sptarijiet, ċentri tas-saħħa, u istituzzjonijiet tal-karità f’aktar minn 50 pajjiż. Il-festa tiegħu hija ċċelebrata fit-8 ta’ Marzu, u l-motto tiegħu “Agħmel il-ġid għall-imħabba ta’ Alla” jibqa’ ta’ ispirazzjoni għal ħafna.
Comentários