top of page

San Ġwann Bosco 👦

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Jan 31
  • 2 min read

Giovanni Melchior Bosco twieled fis-16 ta’ Awwissu 1815 f’Becchi, l-Italja. Missieru miet meta kellu sentejn, u għalhekk trabba minn ommu, li minkejja l-faqar estrem li kienu jgħixu fih għamlet minn kollox biex tedukah u tnissel fih fidi profonda.


Ta’ disa’ snin, Ġwann Bosco jgħid li esperjenza ħolma li fiha ntalab minn Ġesù u ommu Marija biex jiggwida u jieħu ħsieb lil żgħażagħ bħalu. Darba waħda, meta’ kien għadu tifel żgħir, hu kellu l-opportunita li jara prestazzjoni ta’ ċirku, u spirat minnha beda jitgħallem diversi trikkijiet maġiċi u akrobatiċi. Bosco beda jiġbor gruppi ta’ tfal oħra u jurihom dawn it-trikkijiet, u wara kien jitlob magħhom jew jgħallimhom xi ħaġa dwar il-fidi kattolika.


Aktar ma beda jikber, aktar beda jħoss is-sejħa li jidħol saċerdot, iżda minħabba li kien fqir u ma kellux edukazzjoni kien jaf li s-seminarju ma kinux se jaċċettawh. Minkejja dan, meta kellu 20 sena, Ġwann Bosco rnexxielu jidħol is-seminarju bl-għajnuna ta’ Dun Giuseppe Cafasso, saċerdot li kompla jiggiwdah u jgħinu fil-vjaġġ saċerdotali tiegħu. Huwa ġie ordnat saċerdot fl-1841.


Darba waħda, f’Diċembru tal-istess sena Bosco sema’ lis-sagristan ikeċċi tifel mill-knisja waqt li kien qiegħed jipprepara għall-quddiesa. Meta ra dan, huwa sejjaħlu u għamel ħbieb tiegħu. Din il-laqgħa maċ-ċkejken Bartolomeo Garelli spiratu biex iwaqqaf oratorju, post għas-subien li kien iservi bħala skola, knisja, kif ukoll post għar-rikreazzjoni. Fil-bidu, dawn it-tfal kienu jiltaqgħu fil-knisja ta’ San Franġisk, iżda fl-1846 dawn imxew f’post ikbar f’Valdocco, fil-parti ċentrali ta’ Turin. Kien hawnhekk li l-oratorju kiber f’daqqa, hekk kif ġibed lejh ħafna aktar subien li bbenifikaw mill-edukazzjoni u l-formazzjoni spiritwali.


Fl-1859, Ġwann Bosco waqqaf is-Soċjetà tas-Salesjani, grupp reliġjuż ddedikat għall-edukazzjoni u l-formazzjoni taż-żgħażagħ, u iktar tard fl-1872, bl-għajnuna ta’ Santa Marija Mazzarello huwa waqqaf komunità ta’ sorijiet li bdew jieħdu ħsieb il-bniet. Fl-aħħar snin ta’ ħajtu Don Bosco kien magħruf mad-dinja kollha, u s-Soċjetà tas-Salesjani bdiet tinxtered mad-dinja kollha.


Huwa miet fil-31 ta’ Jannar tal-1888, fl-eta ta’ 72 sena, u jingħad li b’sens ta’ gratitudni lejh, kważi l-popolazzjoni kollha ta’ Turin attendiet għall-funeral tiegħu. Huwa ġie bbeatifikat f’April tal-1929 mill-Papa Piju XI, u ġie kkanonizzat qaddis f’April tal-1934 mill-istess Papa.  


Il-festa tiegħu hija ċċelebrata fil-31 ta’ Jannar, u huwa magħruf ukoll bħala wieħed mill-qaddisin patruni taż-żgħażagħ, kif ukoll il-qaddis patrun tal-edituri, pubblikaturi, u l-illużjonisti.

Comments


bottom of page