San Ġwann 📜
- ghalikukoll
- Dec 27, 2024
- 2 min read

San Ġwann twieled fil-Galilija madwar is-sena 6 wk. Hu kien wieħed mit-tnax-il appostli ta’ Ġesù, u huwa magħruf wkoll bħala wieħed mill-kittieba tat-Testment il-Ġdid.
Fl-ewwel kapitlu tal-Evanġelju ta’ San Mark naqraw kif darba waħda meta kien qiegħed isewwi x-xbiek ma’ ħuħ Ġakbu u missieru Żebedew, Ġesù sejjaħ lil Ġwanni u lil ħuħ, u dawn marru warajh.
Minn hawnhekk, Ġwanni sar wieħed mill-aktar dixxipli maħbubin minn Ġesù, u kellu l-opportunità li jakkumpanjah f’diversi mumenti speċjali bħal fit-trasfigurazzjoni, fl-agunija fil-gnien tal-Ġetsemani, u meta qajjem lit-tifla ta’ Ġajru. Dakinhar tal-aħħar ċena, Ġesù għażel lil Ġwanni biex flimkien ma’ Pietru jħejju l-ikla, u iktar tard meta Ġesù kien msallab, Ġwanni kien l-unika wieħed fost l-appostli li baqa’ ma’ Marija taħt is-salib.
Ftit qabel ma miet, Ġesù talbu biex jieħu ħsieb lil ommu, u talab lil ommu biex tieħu ħsiebu daqslikieku kien binha: “qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek.” Imbagħad qal lid-dixxiplu: “Hawn hi ommok.””. Tlett ijiem wara, f’Ħadd il-Għid, Ġwanni mar ma’ San Pietru lejn il-qabar ta’ Ġesù, fejn kien l-ewwel wieħed li għaraf lil Ġesù rxuxtat.
Wara li waqqaf il-Knisja f’Ġerusalemm, huwa mar jgħix ma’ Marija f’Efesu fejn jingħad li kiteb l-Evanġelju tiegħu u xi Ittri. Il-popolarità tiegħu bħala predikatur tal-fidi nisranija wasslitu biex ġie eżiljat għal xi snin fil-gżira remota ta’ Patmos fil-baħar Eġew, u jingħad li hawnhekk huwa kiteb il-ktieb tar-rivelazzjoni. Magħruf ukoll bħala l-Apokalissi, dan il-ktieb jiddeskrivi r-rebħa tat-tajjeb fuq il-ħażin, il-ġudizzju finali, u t-twaqqif tas-saltna eterna ta’ Alla.
Wara l-eżilju tiegħu, San Ġwann irritorna f’Efesu fejn għex il-bqija ta’ ħajtu u miet madwar is-sena 100 wk. Huwa ġie midfun f’Efesu stess, possibilment fejn illum il-ġurnata nsibu il-Bażilika ta’ San Ġwann li nbniet mill-Imperatur Ruman Ġustinjanu I fis-sitt seklu. Il-festa tiegħu hija ċċelebrata fis-27 ta' Diċembru, u huwa magħruf ukoll bħala l-qaddis patrun tal-ħbiberiji.
Comments