top of page

San Ġużepp ta' Kupertino ✨

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Sep 7, 2024
  • 2 min read

Ġużeppi Desa twieled fis-17 ta’ Ġunju tal-1603 f’Kupertino, l-Italja. Il-familja tiegħu kienet fqira, u b’mod speċjali wara l-mewt ta’ missieru, Ġużeppi għex ħajja miżera, nieqes mis-sustanzi, u marradi. Fl-iskola kien dejjem l-aħħar tal-klassi, dejjem sturdut u skantat, tant li ħafna kienu jgħidulu li ma kien tajjeb għal xejn.


Minkejja dan kollu, Ġużeppi kien devot kbir tal-Verġni Marija, u l-iċken ħaġa li kien jilmaħ kienet biżżejjed biex tfakkru fil-kobor ta’ Alla. Ta’ 17-il sena ddeċieda li jidħol patri, u wara li ġie miċħud minn diversi ordinijiet reliġjużi, eventwalment ġie aċċettat bħala lajk minn komunità ta’ Kapuċċini. Però, Ġużeppi dam biss tmien xhur ma’ dawn il-patrijiet hekk kif kellhom ikeċċuh meta ma felħux iktar għall-mumenti ta’ aljenazzjoni u stgħaġib tiegħu.


Minħabba f’hekk sab ruħu fit-triq, u meta mar lura għand ommu din fittxet li ssiblu xogħol u teħles minnu. Kien hawnhekk li Ġużeppi daħal bħala ħaddiem mal-Franġiskani Konventwali fi Grotella, jieħu ħsieb il-bagħal li kellhom fl-istalla. Il-paċenzja, l-umiltà, u l-ubbidjenza tiegħu malajr ġibdu l-ammirazzjoni tal-patrijiet, u għalhekk iddeċidew li jaċċettawh bħala patri u jħalluh jirċievi l-Ordni Sagri. Ta’ 25 sena Ġużeppi beda jqaddes, iżda xorta waħda baqa umli u kompla jgħin fil-kunvent bħal qabel.


Kien hawnhekk li fih bdew jidhru fenomeni tal-għaġeb li ġibdu l-interess ta’ ħafna nies. Waqt li kien ikun qiegħed jitlob kien spiss jintilef f’estasi ta’ mħabba għall-Mulej li ħadd ma kien jirnexxielu joħorġu minnha. F’dawn il-mumenti spiss kien ukoll jinqata’ mill-art u jogħla ‘l fuq, tant li ħafna jagħfuh bħala l-Qaddis li jtir. Huwa magħruf ukoll li San Ġużepp ta’ Kupertino kien jagħmel diversi mirakli bħal ifejjaq lill-għomja, jaqra l-qlub, u jfejjaq lit-trabi mifluġa.


Barra l-attenzjoni tan-nies, dawn il-fenomeni bdew jiġbdu wkoll l-attenzjoni tal-awtoritajiet tal-knisja li bdew jinvestigaw lil Ġużeppi. Fl-1653, hu ntbagħat lura għand il-Kapuċċini fejn inżamm f’kunvent ‘il bogħod min-nies. Però hekk kif in-nies bdew isiru jafu fejn kien qiegħed ikun, lil Ġużeppi bdew imexxuh minn kunvent għall-ieħor, sakhemm fl-1657 bagħtuh lura għand il-Franġiskani Konventwali fejn qegħduh f’ċella żgħira fejn setgħu jarawh biss dawk magħżula fost il-kleru. Minħabba li ġie maqtugħ min-nies, Ġużeppi daħal f’estasi kontinwa, u ħassu maħbub minn Alla aktar minn qatt qabel.


F’Awwissu tal-1663 qabdu attakk ta’ deni li ma ried iħallih b’xejn, u meta wasal fi stat ħażin ħafna ingħata l-Griżma tal-Morda. Hu miet fit-18 ta’ Settembru ta’ l-istess sena, u ġie kkanonizzat bħala qaddis mill-Papa Klement XIII fl-1767. Illum huwa magħrufa bħala l-qaddis patrun tal-avjazzjoni, l-istudenti u l-eżamijiet fost l-oħrajn.

Comentários


bottom of page