top of page

San Ġorġ Preca 🇲🇹

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • May 9
  • 2 min read

Ġorġ Preca twieled fit-12 ta’ Frar 1800 fil-Belt Valletta. Meta kien għadu tifel żgħir, il-familja tiegħu marret tgħix il-Ħamrun, fejn iktar tard huwa magħruf li wettaq il-biċċa l-kbira ta’ xogħlu. Minn età żgħira, Ġorġ wera spiritwalità profonda, iżda kien jimrad spiss u ma kienx wisq b’saħħtu. Studja fil-Liċeo tal-Ħamrun, u wara daħal is-Seminarju Maġġuri ta’ Malta fejn komplew jispikkaw fih l-umiltà u d-dedikazzjoni tiegħu għall-fidi.

 

San Ġorġ ġie ordnat saċerdot fit-22 ta’ Diċembru 1906, fl-età ta’ 26 sena. Kien hawnhekk li beda jiġbor grupp ta’ żgħażagħ subien biex jgħallimhom dwar il-fidi b’modijiet sempliċi, u sena wara fl-1907, huwa waqqaf is-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija, magħrufa wkoll bħala l-M.U.S.E.U.M. L-Għan ta’ din is-soċjetà kienet li teduka lill-lajċi, b’mod speċjali liż-żgħażagħ fit-tagħlim Kattoliku. Din l-inizjattiva ġabet bidliet kbar f’dak iż-żmien, għax tat is-setgħa lill-irġiel lajċi, u aktar tard ukoll lin-nisa biex jgħallmu r-reliġjon.

 

Fil-bidu, l-ideat tiegħu ġew milqugħa b’suspett u anke b’oppożizzjoni minn xi awtoritajiet tal-Knisja, iżda wara investigazzjoni, is-soċjetà tiegħu ġiet approvata mill-Isqof. Matul is-snin, il-M.U.S.E.U.M. infirex madwar Malta u Għawdex kollha, u eventwalment anke barra minn xtutna f’postijiet bħall-Awstralja.

 

Dun Ġorġ għex ħajja mill-aktar sempliċi, fejn kien jagħti ħafna mill-affarijiet tiegħu lil dawk fil-bżonn, jimxi minflok juża t-trasport, u jqatta’ sigħat twal jitlob u jaqra. Barra minn hekk, huwa kiteb ukoll bosta kotba u xogħlijiet spiritwali bil-Malti biex jgħin lin-nies komuni jifhmu l-Evanġelju u jgħixuh. Fost il-kitbiet l-aktar magħrufa tiegħu nsibu ‘Is-Santwarju tal-Ispirtu ta’ Kristu’, li jirrifletti l-ispiritwalità profonda u d-devozzjoni tiegħu lejn Kristu.

 

San Ġorġ a miet fis-26 ta’ Lulju 1962, f’Santa Venera. Huwa ġie bbeatifikat mill-Papa Ġwanni Pawlu II matul iż-żjara tiegħu fl-2001, u aktar tard fl-2007 ġie kkanonizzat mill-Papa Benedittu XVI fejn sar l-ewwel qaddis Malti. Illum il-ġurnata, San Ġorġ Preca huwa mfakkar bħala saċerdot umli, u l-wirt tiegħu jibqa’ preżenti fostna permezz tal-ħidma tas-Soċejtà tad-Duttrina Nisranija. Il-festa tiegħu hija ċċelebrata fid-9 ta’ Mejju, u huwa magħruf ukoll bħala l-qaddis patrun tal-katekisti.

Comments


bottom of page