top of page

San Sidor ta' Sevilja 📚

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Mar 29
  • 2 min read

San Sidor twieled madwar is-sena 560, f’Kartaġena, fi Spanja. Aktarx kien ġej minn familja nobbli, u kellu tliet aħwa: Leander, Fulgentius u Florentina, li ‘l quddiem ġew iddikjarati wkoll qaddisin bħalu.

 

Wara l-mewt tal-ġenituri tiegħu, lil Sidor beda jieħu ħsiebu ħuh il-kbir, Leander, li kien ukoll l-Arċisqof ta’ Sevilja. Leander ħa ħsieb li ħuh jirċievi edukazzjoni xierqa, u ma kinitx l-ewwel darba, li b’intenzjonijiet tajbin u għax xtaqtlu l-ġid impona fuqu metodi ta’ studji stretti u kastigi. Għalkemm Sidor kien intelliġenti u kellu kapaċità kbira biex jitgħallem, huwa sab dawn il-metodi diffiċli u ta’ qtigħ il-qalb, u għalhekk, maħkum mill-frustrazzjoni ħarab. Huwa mtela b’sens ta’ falliment għax ħass li ma kienx kapaċi jilħaq dak li ħuh stenna minnu.

 

Iżda eventwalment, Sidor rrealizza li permezz ta’ sforzi zgħar seta’ jilħaq il-livelli akkademiċi li xtaqu jilħaq ħuh, u ddeċieda li jirritorna lura d-dar. Meta rritorna, ħuh sakkru ġo ċella ġewwa monasteru biex jiżgura li ma jerġax jaħrab, u allavolja dan kien perjodu diffiċli għal Sidor, huwa rnexxielu jtemm l-istudji tiegħu u jikseb dak li xtaqu għalih ħuh. Minkejja din l-esperjenza, ir-relazzjoni bejn iż-żewġ aħwa baqgħet soda, u wara l-mewt ta’ Leander, Sidor ħadlu postu bħala Arċisqof ta’ Sevilja, fejn mexxa d-Djoċesi għal 37 sena.

 

Bħala isqof, huwa ħadem ħafna biex isaħħaħ il-fidi Nisranija fi Spanja, u biex jiġġieled kontra l-Arjaniżmu, ereżija fost it-tribujiet Ġermaniżi li kienu jaraw lil Ġesù bħala biss bniedem normali. Barra minn hekk, Sidor kellu rwol ċentrali fir-raba’ konċilju ta’ Toledo, fejn fost l-oħrajn, ħadem biex jitwaqqaf seminarju f’kull djoċesi fi Spanja, u enfasizza l-irwol tal-isqfijiet biex ikunu ta’ gwida għas-soċjetà.

 

Sidor huwa magħruf ukoll għal ammont kbir ta’ għarfien li ġabar f’enċiklopedija msejħa Etymologiae, li tinkludi tagħrif minn oqsma differenti bħal-lingwa, l-istorja, ix-xjenza, u l-filosofija. Huwa kiteb ukoll xogħlijiet oħrajn teoloġiċi, storiċi, u grammatikali, fosthom Historia de regibus Gothorum, u De Natura Rerum.

 

San Sidor baqa jaħdem bħala Isqof sal-aħħar ta’ ħajtu, u qatta’ l-aħħar snin tiegħu jitlob, jagħmel il-karità, u jgħallem. Huwa miet fl-4 ta’ April 636, u ġie midfun fil-monasteru ta’ San Isidoro del Campo, f’Sevilja stess. Il-Papa Klement VIII ikkanonizzah fl-1598, u aktar tard fl-1722, il-Papa Innoċenz XIII iddikjarah Duttur tal-Knisja. Il-festa tiegħu hija ċċelebrata fl-4 ta’ April, u huwa magħruf bħala l-qaddis patrun tal-internet, u tal-istudjużi.

Comments

Couldn’t Load Comments
It looks like there was a technical problem. Try reconnecting or refreshing the page.
bottom of page