San Óscar Romero 🇸🇻
- ghalikukoll
- Mar 22
- 3 min read

Óscar Arnulfo Romero y Galdámez twieled fil-15 ta’ Awwissu 1917, f’Ciudad Barrios, raħal żgħir f’El Salvador. Missieru, Santos Romero, kien operatur tat-telegrafu, filwaqt li ommu, Guadalupe de Jesús Galdámez, kienet tieħu ħsieb lilu u lis-seba’ ħutu d-dar.
Minkejja li ma kinux sinjuri, l-ġenituri tiegħu ħeġġew lilu u lil ħutu biex jitgħallmu, u missieru għallmu wkoll is-sengħa ta’ mastrudaxxa. Madanakollu, minn età żgħira, Óscar ħass sejħa qawwija għas-saċerdozju, u ta’ 14-il sena daħal fis-seminarju minuri f’San Miguel biex jibda l-formazzjoni reliġjuża tiegħu. Meta raw l-abbiltajiet akkademiċi tiegħu, fl-1937 huwa ntbagħat Ruma biex ikompli jistudja fl-Università Pontifiċja Gregorjana. F’din l-università, Óscar saħħaħ l-għarfien tiegħu tat-teoloġija Kattolika, u żviluppa ammirazzjoni qawwija għat-tagħlim tradizzjonali tal-Knisja. Iż-żmien tiegħu f’Ruma ma kienx faċli għaliex matul dan iż-żmien, id-dinja kienet għaddejja mit-Tieni Gwerra Dinjija, però, minkejja l-gwerra hu ġie ordnat saċerdot fl-4 ta’ April tal-1942.
Ftit wara, huwa rritorna f’El Salvador fejn sar il-kappillan ta’ San Miguel. Bil-mod il-mod, huwa sar magħruf għad-dedikazzjoni tiegħu fil-ħidma pastorali, u għall-imħabba tiegħu għat-talb. Barra minn hekk, ħa wkoll xi rwoli ta’ tmexxija fi ħdan il-Knisja ta’ El Salvador, fejn ħadem ma’ diversi organizzazzjonijiet kattoliċi, u serva wkoll bħala rettur fis-seminarju. Fl-1970, Romero inħatar isqof awżiljarju ta’ San Salvador, u matul dan iż-żmien ħafna kienu jqisuh bħala figura konservattiva minħabba l-fatt li ma kienx jinvolvi ruħu fi kwistjonijiet politiċi. Fl-1974, sar l-Isqof ta’ Santiago de María, djoċesi rurali fejn ra b’għajnejh il-faqar estrem u t-tbatija kbira tal-bdiewa. Minkejja dan, huwa żamm approċċ kawt u evita konfrontazzjonijiet diretti mal-gvern, li kull ma jmur bdew isiru aktar oppressivi.
Wara li fit-23 ta’ Frar 1977 inħatar Arċisqof ta’ San Salvador, ħafna ħasbu li issa li kellu dan l-irwol kien se jżomm pożizzjoni newtrali u jevita l-kunflitt. Iżda ftit ġimgħat biss wara l-ħatra tiegħu, qassis ħabib tiegħu, Fr. Rutilio Grande, ġie maqtul għall-ħidma tiegħu favur id-drittijiet tal-foqra. Din il-ġrajja ħalliet impatt kbir fuq Romero, u wara l-qtil ta’ Fr. Grande, huwa beda jitkellem bil-qawwa kontra l-oppressjoni u l-vjolenza tal-gvern. Óscar kien juża l-omeliji tiegħu fuq ir-radju, biex ġimgħa wara l-oħra jitkellem kontra l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, u b’dan il-mod sar vuċi għal dawk mingħajr vuċi f’El Salvador. Dawn l-omeliji kienu jisimgħuhom nies minn madwar il-pajjiż kollu, u filwaqt li ħafna foqra sabu t-tama fi kliemu, il-gvern u l-militar bdew iqisuh bħala theddida. Hekk kif il-vjolenza f’El Salvador bdiet tiżdied, huwa kompla jikritika lil militar, u rrifjuta li jattendi avvenimenti tal-gvern sakemm il-qtil jieqaf. Dan wasslu biex jirċievi bosta theddid, iżda hu kompla l-missjoni tiegħu għaliex kien jemmen li bħala isqof, id-dmir tiegħu kien li jiddefendi d-dinjità tan-nies kollha. Fit-23 ta’ Marzu 1980, waqt dik li kienet se tkun l-aħħar omelija tiegħu ta’ nhar ta’ Ħadd, huwa għamel talba diretta lis-suldati fejn ħeġġiġhom biex ma jobdux ordnijiet li jwasslu għall-qtil ta’ nies innoċenti.
L-għada, waqt li kien qiegħed jiċċelebra quddiesa fil-kappella tal-Isptar tal-Providenza Divina, Romero ġie maqtul b’tiri minn skwadra tal-mewt marbuta mal-gvern. Il-qtil tiegħu ħasad lid-dinja kollha, u minkejja diverisi attakki militari, għall-funeral tiegħu attendew eluf ta’ nies. Matul is-snin, Óscar Romero sar simbolu tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġustizzja. Fl-2015, il-Papa Franġisku ddikjarah martri, u tliet snin wara, fl-14 ta’ Ottubru tal-2018 huwa ġie kkanonizzat mill-istess Papa. Il-festa tiegħu hija ċċelebrata kull sena fl-24 ta’ Marzu, u huwa magħruf ukoll bħala qaddis patrun ta’ El Salvador, kif ukoll qaddis patrun tal-ġustizzja soċjali, tad-drittijiet tal-bniedem, u tal-Insara ppersegwitati.
Comments