top of page

San Ġwann Battista De La Salle 🏫

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Apr 5
  • 2 min read

San Ġwann Battista De La Salle twieled fit-30 ta’ April 1651, f’Reims, fi Franza. Il-familja tiegħu kienet sinjura, u għalhekk kellu l-opportunità li jirċievi edukazzjoni tajba.

 

Ta’ 16-il sena, huwa sar kanonku tal-Katidral ta’ Reims, fejn ta’ spiss kien jagħti daqqa t’id. Tliet snin wara, huwa mar Pariġi biex jistudja t-teoloġija, iżda wara biss sena, kellu jirritorna lura Reims biex jieħu ħsieb lil ħutu, wara l-mewt tal-ġenituri tiegħu. Minkejja din ir-responsabbiltà ġdida, Ġwanni Battista kompla jistudja, u fl-1678 ġie ordnat saċerdot.  

 

Ftit wara l-ordinazzjoni tiegħu, fl-1679 huwa ltaqa ma’ Adrien Nyel, raġel lajk li ddedika ħajtu biex jipprovdi l-edukazzjoni għas-subien fqar. Ispirat mix-xogħol ta’ Nyel, De La Salle involva ruħu f’din il-missjoni, u għenu jiftaħ xi skejjel f’Reims stess. Eventwalment, huwa telaq mid-dar tiegħu u mar jgħix ma’ diversi għalliema li flimkien iffurmaw komunità ddedikata għall-edukazzjoni, sakhemm fl-1684, De La Salle waqqaf l-Aħwa tal-Iskejjel Kristjani (Frères des Écoles Chrétiennes), kongregazzjoni reliġjuża li taħdem biex tipprovdi edukazzjoni b’xejn lil foqra. Barra minn hekk, fl-1685 huwa fetaħ ukoll l-ewwel skola ta’ taħriġ għall-għalliema, u aktar tard fl-1691 ħa vot erjoku fejn wiegħed li jibqa’ jaħdem minkejja d-diffikultajiet li kien qiegħed jaffaċċkja.

 

Fis-snin ta’ wara, Ġwanni Battista De La Salle kompla jiftaħ diversi skejjel mingħajr ħlas, iżda r-reżistenza kontrihom kompliet tikber, b’mod speċjali minn għalliema privati u xi membri tal-kleru. Fl-1694, huwa sar l-ewwel Superjur Ġenerali tal-Aħwa tal-Iskejjel Kristjani, u ppublika wkoll sett ta’ regoli għall-membri ta’ din il-komunità. Ix-xogħol tiegħu irrevoluzzjona s-sistema edukattiva ta’ żmienu, b’mod speċjali wara li fl-1698 ippublika trattat fuq l-edukazzjoni li introduċa metodi ta’ tagħlim strutturati u dixxiplina fil-klassi. Barra skejjel primarji u sekondarji, De La Salle fetaħ ukoll xi istituzzjoniji għal żgħażagħ bi problemi soċjali, fejn ġew offruti wkoll l-opportunità li jitgħallmu xi snajja.

 

Minkejja l-oppożizzjoni, Ġwanni Battista qatt ma qata’ qalbu, iżda fl-1709 ġie sfurzat jitlaq minn Pariġi minħabba tilwim legali. Huwa mar f’Saint-Yon, ħdejn Rouen, fil-Majjistral ta’ Franza, u kompla jaħdem hemm sakhemm fl-1717 irriżenja minn Superjur Ġenerali. De La Salle qatta’ l-aħħar snin tiegħu jitlob u jirrifletti fuq ħajtu, sakhemm fis-7 ta’ April tal-1719 miet fl-età ta’ 67 sena minħabba xi problemi tas-saħħa.

 

Huwa ġie bbeatifikat fl-1888 mill-Papa Ljun XIII, u aktar tard fl-1900, l-istess Papa iddikjarah qaddis. Illum il-ġurnata, il-Lassaljani jinsabu f’aktar minn 80 pajjiż, inkluż f’Malta fejn huma magħrufin bħala l-Freres. Il-festa tiegħu hija ċċelebrata kull sena fis-7 ta’ April, u huwa magħruf ukoll bħala l-qaddis patrun tal-għalliema.

Comments


bottom of page