top of page

San Tumas ta’ Aquino 📚

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Jan 25
  • 2 min read

San Tumas twieled f’Aquino, illum parti mill-Italja, fl-1225. Huwa twieled f’familja sinjura, u kien is-seba’ wild fost għaxra.


Ta’ ħames snin, il-ġenituri tiegħu bagħtuh biex jitgħallem fil-monasteru Benedittin ta’ Monte Cassino, u iktar tard fl-1239, Tumas kompla jistudja fl-Università ta’ Napli. Kien hawnhekk li għall-ewwel darba ltaqa’ max-xogħlijiet ta’ Aristotile, filosofu Grieg li enfasizza r-raġuni. Tumas kien impressjonat ħafna mill-metodi tiegħu ta’ raġunar u mit-tifsir tal-univers, iżda m’aċċettax l-ideat kollha tiegħu hekk kif uħud minnhom kienu jikkontradixxu t-tagħlim kattoliku.


Barra minn hekk, fl-università huwa ltaqa’ wkoll mal-Patrijiet Dumnikani, u ddeċieda li jingħaqad magħhom. Iżda l-ġenituri tiegħu ma riduħx isir patri, u darba minnhom, fi triqtu lejn Pariġi huwa ġie maħtuf taħt l-ordni tagħhom u dawn qafluh f’kastell tal-familja f’Roccasecca. Huma għamlu minn kollox biex ibidlulu fehmtu, iżda ma rnexxielhomx u wara sena tawh il-libertà. Wara dan, huwa mar Pariġi fejn reġa ngħaqad mad-Dumnikani u kompla jistudja bl-għajnuna ta’ San Albertu Manju.


Hawnhekk, Tumas kompla jistudja l-filosofija u t-teoloġija, u fl-1256 laħaq professur f’din l-istess università fejn sar magħruf għall-abbiltà tiegħu biex jgħaqqad il-fidi mar-raġuni. Huwa kompla jipprietka f’Pariġi, Orvieto, Ruma, Viterbo u Napli, sakemm fl-1266, beda jikteb is-Summa Theologica, l-iktar dokument li huwa magħruf għalih li jiġbor fih it-teoloġija Nisranija. Iżda fl-1273 huwa waqaf jaħdem fuqu wara esperjenza profonda li nebbħitu li dak li kien qiegħed jikteb kien qisu tiben ħdejn dak li ġie rrivelat lilu. Wara din l-esperjenza, Tumas kompla jaqdi l-Knisja f’diversi rwoli. Huwa ħadem fuq kitbiet teoloġiċi oħra, u kellu wkoll xi rwoli attivi fl-Ordni Dumnikana.


Fl-1274, huwa ġie invitat personalment mill-Papa Gregorju X biex jattendi t-Tieni Konċilju ta’ Lyons. Iżda fi triqtu, Tumas marad u waqaf fl-abbatija Ċisterċjana f’Fossanova, fejn miet ftit ġimgħat wara fis-7 ta’ Marzu.


Huwa ġie kkanonizzat bħala qaddis mill-Papa Ġwanni XXII fl-1323, u aktar tard fl-1568, il-Papa Piju V iddikjarah Duttur tal-Knisja. Il-festa tiegħu hija ċċelebrata fit-28 ta’ Jannar u huwa magħruf bħala l-qaddis patrun tal-istudenti, tal-universitajiet, u tal-istudjużi.

Comments


bottom of page