top of page

San Stiefnu 🪨

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Dec 21, 2024
  • 1 min read

San Stiefnu għex fl-ewwel seklu f’Ġerusalemm. X’aktarx kien ta’ oriġini Lhudija Ellenista, jiġifieri kien ġej minn familja Lhudija iżda kien jitkellem bil-Grieg u kien influwenzat mill-kultura Griega.


Kull ma nafu dwar San Stiefnu nafuh mis-sitt u s-seba’ kapitli tal-Atti tal-Appostli fejn naraw li hu kien wieħed fost seba’ djakni li kienu ntgħażlu biex jieħdu ħsieb n-nisa romol tal-Hellenin.


Stiefnu, kollu grazzja u qawwa, kien jagħmel mirakli u sinjali kbar fost il-poplu, u dawn ġibdu l-attenzjoni ta’ ħafna nies, fosthom il-qassisin tas-Sinagoga. Meta raw dan, huma daru kontrih, u hekk kif ma setgħux jiddibattu mal-għerf tiegħu, akkużawh quddiem is-Sinedru li kien qiegħed jgħid kontra Mose, it-Tempju u Alla. Quddiem il-konċilju, San Stiefnu tkellem dwar l-istorja ta’ Iżrael u akkuża lill-mexxejja li kienu qegħdin jirreżistu l-Ispirtu s-Santu.


Id-dikjarazzjoni tiegħu li ra lil Ġesù fuq il-lemin t’Alla rrabjat lill-konċilju, u dan wassal biex kaxkruh ‘l barra mill-belt fejn ħaġġruh. Fl-aħħar mumenti ta’ ħajtu, Stiefnu talab lil Ġesù biex jilqa’ r-ruħ tiegħu, u bħalu ħafer lill-għedewwa tiegħu. B’hekk, huwa sar magħruf bħala l-ewwel Martri li miet għall-fidi tiegħu f’Ġesù Kristu.


Il-festa tiegħu hija ċċlebrata fis-26 ta’ Diċembru, u huwa magħruf ukoll bħala l-qaddis patrun tad-djakni, tal-ħaddiema tal-ġebel, u tal-Ungerija.

Comments


bottom of page