San Sebastjan 🏹
- ghalikukoll
- Jan 12
- 1 min read

San Sebastjan twieled fit-tielet seklu wara Kristu, fil-belt ta’ Narbona f’Gaul, illum Franza. Ftit wara li twieled, il-ġenituri marru jgħixu f’Milan fejn huwa trabba.
Minkejja li kien kontra l-ġlied, f’madwar is-sena 283 huwa mar Ruma fejn daħal suldat mal-armata Rumana bil-għan li jkun jista’ jgħin lill-insara ppersegwitati. Il-kwalitajiet sbieħ tiegħu ġibdu l-attenzjoi tal-imperatur, u għal xi żmien serva wkoll bħala wieħed mill-mexxejja tal-gwardjani. Iżda meta ġie skopert li kien qiegħed jgħin lill-insara u li kien rnexxielu jikkonverti diversi suldati, l-imperatur Djoklezjanu ċanfru u ordna li jiġi maqtul bil-vleġeġ. L-arċieri ħallewh kważi mejjet, iżda salvatu armla Nisranija li dewwietu u ġabitu lura f’saħħtu.
Wara dan, bix-xewqa li jmut martri, Sebastjan mar quddiem l-imperatur u qallu li ma kienx se jsib il-paċi qabel ma jieqaf jipperswadi lil dawk bla ħtija. Djoklezjanu reġa ordna li jiġi maqtul, u wara li sawwtuh, telquh mejjet fid-drenaġġ pubbliku fis-sena 288. Il-ġisem tiegħu nstab minn mara reliġjuża li f’ħolma semgħet lil Sebastjan jgħidilha biex tidfen il-fdalijiet tiegħu ħdejn il-katamombi.
Huwa maħsub li llum, ir-relikwi tiegħu jinsabu fil-Bażilika ta’ San Sebastjan, waħda mis-seba’ knejjes tal-pellegrinaġġi f’Ruma. Il-festa tiegħu hija ċċelebrata fit-18 ta’ Jannar, u huwa magħruf ukoll bħala wieħed mill-patruni tal-belt ta’ Ruma, kif ukoll il-qaddis patrun tal-atleti u tal-arċieri. Barra minn hekk, San Sebastjan huwa wkoll l-patrun ta’ waħda mill-parroċċi ta’ Ħal Qormi.
Comments