top of page

San Piju ta’ Pietrelcina 👐

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Sep 23
  • 2 min read
ree

Francesco Forgone twieldet fi Pietrelcina, l-Italja, nhar il-25 ta’ Mejju 1887. Sa minn tfulitu, hu wera sinjali ta’ vokazzjoni reliġjuża hekk kif kien jieħu gost ikanta l-innijiet, jagħmel tabirruħu li qed iqaddes, u joqgħod waħdu jitlob u jaqra. 

 

Meta kellu madwar għaxar snin, fi Pietrelcina spiss kien qed jidher patri Kapuċċin żagħżugħ jiġbor id-donazzjonijiet. Dan kellu leħja sewda twila u bil-manjieri ħelwin li kellu, kien jiġbed lejh lil kulħadd, inkluż lil Francesco li xtaq isir bħalu.

 

Meta l-ġenituri ta’ Francesco saru jafu dwar ix-xewqa ta’ binhom, huma vvjaġġaw lejn Morcone fejn iltaqgħu ma’ komunità ta’ patrijiet Kapuċċini biex jaraw jekk kinux interessati jdaħħlu lil binhom magħhom. Il-patrijiet kienu interessati u wara xi snin ta’ studju, ta’ 16-il sena beda n-novizzjat tiegħu u ħa l-isem ta’ Fra Piju. Sena wara, fl-1904 huwa għamel l-ewwel professjoni tiegħu, u għat-tliet snin ta’ wara huwa qagħad fil-Kunvent ta’ San Elia a Pianisi f’Campobasso sakemm għamel il-professjoni solenni. Wara dan reġa mar fi Pietrelcina fejn kompla jistudja t-teoloġija.

 

Piju ġie ordnat saċerdot nhar l-10 ta’ Awwissu tal-1910 fil-Katidral ta’ Benevento, u erbat ijiem wara ċċelebra l-ewwel quddiesa tiegħu fil-knisja ta’ Pietrelcina. Hu intbagħat fil-kunvent tal-Kapuċċini f’Foggia iżda ftit inqas minn xahar wara l-ordinazzjoni tiegħu, beda jsofri minn sintomi serji ta’ mard li kienu jinkludi uġigħ qawwi, problem respiratorji u attakki ta’ deni. Barra minn hekk, fil-pali ta’ jdejh bdew jidhru wkoll xi feriti ħomor li kienu jweġġgħu ħafna iżda jitilqu wara ftit ġranet. Minħabba l-problemi tas-saħħa kontinwi tiegħu, Piju kellu jinfired mill-komunità tal-patrijiet u jmur id-dar jirkupra.

 

Dan kien bejn l-1911 u l-1916, u matul dan iż-żmien hu ċċelebra l-quddiesa  u għallem f’Pietrelcina. Fl-1916, huwa ġie ordnat jerġa’ lura għall-ħajja komunitarja u ntbagħat mal-patrijiet Kapuċċini tal-komunità ta’ San Giovanni Rotondo. Matul l-ewwel gwerra dinjija, erba’ mis-seba’ patrijiet fil-kunvent ġew magħżula għas-servizz militari u hawnhekk Piju ħa responsabbiltajiet addizjonali biex ikompli jgħin lill-komunità. Għal xi żmien intbagħat għall-gwerra hu wkoll, iżda minħabba s-saħħa tiegħu, fl-1918 kien iddikjarat mhux addattat għas-servizz u ġie skarikat b’mod permanenti. Piju rritorna lura mal-Kapuċċini ta’ San Giovanni Rotondo.

 

Iktar tard fl-istess sena, waqt li kien qed jitlob fil-kappella tal-kunvent, Piju kellu viżjoni fejn ra lil Ġesù msallab jieħu l-ħajja u minnu ħarġu ħames vleġeġ li ppenetraw il-ġisem tiegħu. Meta spiċċat din il-viżjoni, hu ra li f’idejh kienu ġewh il-pjagi bħal Ġesù, u din id-darba dawn baqgħu f’idu għal ħajtu kollha. L-aħbar dwar il-pjagi tiegħu malajr bdiet tinxtered, u tant bdew iżuruh nies li eventwalment l-awtorità tal-Knisja kellha timponi xi restrizzjonijiet.

 

Fl-1925, Patri Piju rranġa bini li qabel kien iservi ta’ monasteru u għamel sptar żgħir li semmieh għal San Franġisk. Iżda fl-1956, bil-flus ta’ ħafna benefatturi fetaħ wieħed mill-aktar sptarijiet moderni magħruf bħala ‘Casa Sollievo della Sofferenza’ li tfisser “Dar għas-Serħan mit-Tbatija”. Dan l-isptar għadu jintuża sal-lum il-ġurnata.

 

F’nofs is-sittinijiet, is-saħħa ta’ Padre Pio kompliet tmur lura, iżda hu baqa jqaddes u jqrar kuljum. Huwa miet fit-23 ta’ Settembru tal-1968, 3 ijiem biss wara l-50 sena anniversarju minn meta rċieva l-pjagi.

 

Huwa ġie bbeatifikat fl-1999 mill-Papa Ġwanni Pawlu II, u ġie kkanonizat tlett snin wara, fl-2002 mill-istess Papa. Il-festa ta’ San Pietru ta’ Pietrelcina hija ċċelebrata kull sena fit-23 ta’ Settembru, u huwa magħruf ukoll bħala wieħed mill-qaddisin patruni tal-adoloxxenti, tas-serħan mill-istress, u tal-voluntiera tad-difiża ċivili.  

Comments


bottom of page