San Pietru 😇
- ghalikukoll
- Jun 29, 2024
- 2 min read

Xmun twieled f’Betsajda, raħal viċin il-baħar tal-Galilija, u xogħlu kien ta’ sajjied.
Darba, meta kien qiegħed jistad ma’ ħuħ Indrì iltaqa’ ma’ Ġesù li sejjaħlu biex ikun “sajjied tal-bnedmin”. Xmun sar wieħed mill-ewwel appostli ta’ Ġesù, u dan biddillu ismu għal Pietru li jfisser “ġebla”. Ġesù għażel dan l-isem għax xtaq li Xmun ikun bħal ġebla li fuqu tinbena l-knisja tiegħu.
Meta Ġesù ġie arrestat, Pietru ċaħad li kien jafu għal tliet darbiet, iżda malajr iddispjaċih meta ftakar f’dak li kien qallu Ġesù fl-aħħar ċena u ħareġ ‘il barra jibki b’qalbu maqsuma. Wara li qam mill-mewt, Ġesù staqsa lil Pietru għal tliet darbiet wara xulxin jekk kienx iħobbu, u wara li Pietru wieġbu fl-affermattiv għal kull dabra, Ġesù fdalu l-merħla tiegħu, u llum il-ġurnata huwa magħruf bħala l-ewwel Papa tal-Knisja Kattolika.
F’madwar is-sena 44, Pietru u xi dixxipli oħra ġew arrestati taħt it-tmexxija tar-re Erodi Agrippa li ried joqtol l-Insara biex jintgħoġob mal-awtoritajiet Lhudi ta’ dak iż-żmien. Però, meta kien il-ħabs dehrlu anġlu tal-Mulej li ħelsu mill-arrest u għenu joħroġ mill-ħabs. Wara li ġara dan, San Pietru mar Antjokja, u wara Ruma li dak iż-żmien kienet meqjusa bħala l-belt kapitali tad-dinja.
Huwa baqa’ Ruma għal ammont ta’ snin sakhemm ġie msallab rasu l-isfel taħt l-imperatur Neruni li akkuża lil komunità Nisranija ta’ dak iż-żmien li kienu responsabbli għan-nar li kien qed jeqred il-belt ta’ Ruma. San Pietru għażel li jiġi msallab rasu l-isfel għax ma’ ħassux li kien ħaqqu li jmut bl-istess mod li kien miet Ġesù.
Wara l-mewt tiegħu, Konstantinu l-Kbir bena knisja fuq il-qabar tiegħu. Iktar il-quddiem fl-istorja naraw kif inbniet knisja ikbar minflokha ddedikata lil San Pietru li għadna nsibu preżenti sal-lum il-ġurnata u hija magħrufa bħala l-Bażilika ta’ San Pietru.
Verżjoni Video:
Comentarios