San Pawl 🚢
- ghalikukoll
- Feb 8
- 2 min read

Sawl twieled x’aktarx ftit snin qabel jew ftit snin wara Ġesù f’Tarsu, illum parti mit-Turkija. Huwa kien appostlu Nisrani prominenti li għen fit-tixrid tal-kelma ta’ Ġesù fl-ewwel seklu.
Qabel ma kkonverta, hu kien Fariżew u kien joqtol lill-Insara. Darba, meta Pawlu kien qiegħed jivjaġġa għal Damasku biex ikompli joqtol l-Insara, dawl qawwi idda madwaru, u waqqgħu mal-art. Dan id-dawl kien Kristu rxoxt li indirizzah u qallu “Sawl, Sawl, għaliex qiegħed tippersegwitani?” Wara dan l-episodju, San Pawl ġie mgħammed, u mill-ewwel beda jxandar li Ġesù ta’ Nazaret kien il-Messija.
Fl-Atti tal-Appostli nsibu li darba waħda, fi triqtu lejn Ruma, il-vapur ta’ Pawlu iltaqa ma’ maltempata u għereq viċin gżiritna. Pawlu u n-nies l-oħra li kien hemm fuq il-vapur għamu lejn Malta fejn damu għal tliet xhur. F’Malta, San Pawl xandar it-twemmin fi Kristu Ġesù, li kien għadu kif miet u rxoxta inqas minn 30 sena qabel. Ix-xandir ta’ Pawlu, kif ukoll il-mirakli li għamel, kellhom effett kbir fuq il-poplu Malti li wara din il-laqgħa, sar Nisrani wkoll. Huwa waqqaf l-ewwel knisja f’Malta u ddikjara lil San Publiju bħala l-ewwel isqof ta’ Malta.
San Pawl huwa magħruf ukoll bħala l-awtur ta’ diversi ittri fit-Testment il-Ġdid, inkluż l-ittri lir-Rumani, lill-Korintin, u lill-Galatin. Dawn l-ittri jitkellmu dwar tagħlim teoloġiku, u jservu bħala gwida morali u inkoraġġiment għall-komunitajiet Kristjani tal-bidu.
San Pawl miet martri f'Ruma madwar is-snin 64-67 wara Kristu matul ir-renju tal-Imperatur Neruni. Bħala ċittadin Ruman, huwa ġie maqtul bil-qtugħ tar-ras, u l-martirju tiegħu saħħaħ il-wirt tiegħu bħala wieħed mill-aktar figuri influwenti tal-Kristjaneżmu.
Il-festa tan-nawfraġju tiegħu hija ċċelebrata kull sena fl-10 ta’ Frar, u huwa magħruf ukoll bħala wieħed mill-patruni ta’ Malta, kif ukoll bħala patrun tal-missjunarji u l-kittieba. Fil-Belt Valletta u fil-Munxar Għawdex insibu parroċċi ddedikati għalih.
Comments