San Patrizju ☘
- ghalikukoll
- Mar 15
- 2 min read

San Patrizju twieled madwar is-sena 385WK, f’dak li llum jiġi r-Renju Unit. Hu kien ġej minn familja Nisranija u nobbli, iżda f’żgħożitu qatt ma ħa il-fidi tiegħu bis-serjetà.
Meta kellu madwar sittax-il sena, Patrizju nħataf mir-razzett ta’ missieru, u ġie mibjugħ bħala skjav fl-Irlanda. Matul l-iskjavitu tiegħu, hu kien jieħu ħsieb in-nagħaġ fid-deżert, u kien matul dan iż-żmien ta’ tbatija li hu dar lejn Alla u beda jitlob biex isaħħaħ il-fidi tiegħu. Iżda wara madwar sitt snin, Patrizzju kellu ħolma li fiha Alla qallu biex jaħrab u jirritorna lura daru. Huwa vvjaġġa iktar minn 300 kilometru lejn port, fejn irnexxielu jikkonvinċi lill-baħrin biex iħalluh jitla’ fuq vapur biex ikun jista’ jerġa jingħaqad mal-familja tiegħu u jkompli l-ħajja Kristjana tiegħu.
Iżda ftit snin wara, Patrizju kellu viżjoni oħra fejn ra lill-poplu Irlandiż isejjaħlu lura biex jikkonvertihom għall-Kristjaneżmu. Wara din il-viżjoni, huwa ddeċieda li jsir qassis, u aktar tard, wara li laħaq ukoll isqof, iddeċieda li jmur lura l-Irlanda bħala missjunarju, determinat biex ixerred il-fidi fost l-Irlandiżi, li l-maġġoranza tagħhom kienu pagani.
Fl-Irlanda, Patrizju vvjaġġa madwar il-pajjiż, fejn ippriedka, għammed, u waqqaf ukoll diversi knejjes u monasteri. Barra minn hekk, huwa wkoll magħruf bħala dak li stabilixxa il-belt ta’ Armagh bħala ċ-ċentru tal-Kristjaneżmu fl-Irlanda, fejn ħatar diversis isqfijiet u stabilixxa l-pedament għall-Knisja Nisranija fl-Irlanda. San Patrizju huwa magħruf ukoll għall-użu tiegħu tal-pjanta tax-shamrock biex jispjega kif it-tliet weraq tagħha huma bħat-trinità, 3 persuni differenti, iżda li flimkien huma Alla wieħed, bħalma l-pjanta għandha tliet werqiet differenti imma hija pjanta waħda.
Huwa maħsub li San Patrizju miet fis-17 ta’ Marzu tas-sena 461 f’Saul, il-post li fih bena l-ewwel knisja tiegħu. Huwa ġie midfun f’Downpatrick, fejn jingħad li l-fdalijiet tiegħu għadhom jinsabu sal-llum. Il-festa tiegħu hija ċċelebrata kull sena fis-17 ta’ Marzu, u huwa magħruf ukoll bħala l-qaddis patrun tal-Irlanda u tal-inġiniera.
Comments