top of page

San Mattew 🧾

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Sep 21, 2024
  • 1 min read

Qabel ma ltaqa’ ma’ Ġesù, Mattew kien magħruf bħala Levi. Hu kien pubblikan, u xogħlu kien li jiġbor it-taxxa mingħand il-Lhud u jgħaddhom lill-ħakkiema Rumani. Hekk kif il-pubblikani kienu meqjusa bħala nies rgħiba u li jqarrqu bin-nies, il-Lhud ma kinux iħalluhom jidħlu fit-tempju u fis-sinagoga, u l-ebda Lhudi ma kien ikollu kuntatt magħhom.


Iżda darba waħda, Ġesù lemħu bilqiegħda quddiem il-mejda tat-taxxi u qallu “Ejja warajja”. Meta sema dan il-kliem mingħand Ġesù, Levi telaq kollox, qam u mar warajh. Iktar tard, Levi stieden lil Ġesù għal ikla għandu stess, u magħhom kien hemm kotra kbira ta’ publikani u xi nies oħra. Meta l-Fariżej u l-kittieba raw lil Ġesù magħhom, huma bdew igemgmu bejniethom u jistaqsu għalfejn Ġesù kien għażel li jiekol ma’ nies li kienu meqfusa midinbin, iżda Ġesù qalilhom li hu mhux lill-ġusti ġie biex isejjaħ, iżda lill-midinbin għall-indiema.


Wara dan l-episodju, Levi kkonverta u sar magħruf bħala Mattew. Hu kompla jimxi wara Ġesù u sar wieħed mit-tnax-il appostlu. San Mattew kien preżenti wkoll mal-appostli meta’ Ġesù tela’ s-sema, u huwa magħruf li wara l-qawmien mill-imwiet vvjaġġa lejn diversi reġjuni bħall-Etjopja u l-Persja fejn priedka dwar Ġesù.


Lejn l-aħħar ta’ l-ewwel seklu, Mattew kiteb ukoll wieħed mill-erba’ evanġelji li fih enfasizza kif Ġesù kien il-Messija li kien mistenni skont il-kitbiet tagħhom u li permezz tiegħu kienet se titwettaq il-milja tal-profeziji tal-Patt il-Qadim.


It-tradizzjoni tgħid li hu miet martri fl-Etjopja taħt ordni tar-re wara li Mattew kien ċanfru talli kellu sentimenti ħżiena lejn in-neputija tiegħu li kienet soru. Il-festa tiegħu hija ċċelebrata fil-21 ta’ Settembru, u huwa magħruf ukoll bħala l-qaddis patrun tal-bankiera u l-uffiċjali tat-taxxa.

תגובות


bottom of page