San Massimiljanu Kolbe 📿
- ghalikukoll
- Aug 14
- 2 min read

Raymund Kolbe twieled fit-8 ta’ Jannar tal-1894 f’Zdunska-Wola, il-Polonja. Ta’ tnax-il sena, huwa kellu viżjoni fejn ra lil-Verġni Marija toffrilu kuruna bajda u ħamra. Huwa għaraf li l-bajda kienet tirrappreżenta ħajja ta’ purità, filwaqt li l-ħamra kienet tirrappreżenta ħajja ta’ martirju, u għalhekk għażel li jaċċetthom it-tnejn.
Din il-viżżjoni ħalliet impatt kbir fuq il-ħajja spiritwali tiegħu, u s-sena ta’ wara, flimkien ma’ ħuħ il-kbir issieħeb mal-Franġiskani Konventwali fejn fl-1910, beda n-novizzjat magħhom u biddel ismu għal Massimiljanu. Fl-1912, huwa mar Ruma fejn studja t-teoloġija u l-filosofija fl-Università Pontifiċja Gregorjana. Ħames snin wara, fl-istess belt huwa waqqaf moviment kattoliku magħruf bħala l-Milizzja tal-Immakulata. Dan il-moviment jiffoka fuq it-tixrid tad-devozzjoni lejn il-Verġni Marija bħala triq għal fidi aktar profonda f’Ġesù u impenn lejn il-valuri kattoliċi.
Fit-28 ta’ April tal-1918 huwa ġie ordnat saċerdot, u sena wara telaq lejn Krakov fil-Polonja fejn waqqaf ukoll l-Milizzja tal-Immakulata. Fl-1922 Kolbe beda joħroġ rivista bl-isem ta’ ‘Il-Kavallier tal-Immakulata’ u aktar tard oħra għat-tfal. Fl-1927, huwa waqqaf ċentru reliġjuż magħruf bħala ‘Il-Belt ta’ Marija Immakulata’, u eventwalment f’dan iċ-ċentru bdew jaħdmu madwar 700 patri u ħaddiem. Għal xi żmien, Massimiljanu mar il-Ġappun u anki l-Indja fejn kompla jxerred id-devozzjoni Marjana permezz ta’ diversi gruppi u inizjattivi.
Malli rritorna lura l-Polonja fl-1935, huwa sar is-superjur tal-‘Belt ta’ Marija Immakulata’. Malli faqqgħet it-tieni gwerra dinjija fl-1939, dan iċ-ċentru beda jintuża bħala post ta’ refuġju għal refuġjati Pollakki, li l-maġġoranza tagħhom kienu Lhud. Barra minn hekk, Massimiljanu beda jippublika diversi publikazzjonijiet kontra n-Nazisti.
Fi Frar tal-1941 huwa ġie arrestat minħabba li kien qiegħed jgħin lir-refuġjati Pollakki, u aktar tard ittieħed fil-kamp ta’ konċentrament ta’ Auschwitz. Hawnhekk, huwa kompla l-ministeru saċerdotali tiegħu billi kien jiċċelebra il-quddiesa u anki jqarar.
Wara l-ħarba ta’ priġunier, għaxar irġiel intgħażlu biex imutu bil-ġuħ bħala kastig, u kien hawn li Kolbe offra li jmut minflok Franciszek Gajowniczek, raġel miżżewweġ bit-tfal żgħar. Massimiljanu u d-disgħa l-oħra maqfulin biex imutu bla ikel u bla xorb. Wara ġimagħtejn, fl-14 ta’ Awwissu tal-1941 hu u l-ftit priġunieri oħrajn li kienu għadhom ħajjin inqatlu b’injezzjoni tal-valenu.
Huwa ġie bbeatifikat fl-1971 mill-Papa Pawlu VI, u ddikjarat qaddis mill-Papa Ġwanni Pawlu II fl-1981. Il-festa tiegħu hija ċċelebrata fl-14 ta’ Awwissu, u huwa magħruf ukoll bħala l-qaddis patrun ta’ dawk li jkunu qegħdin ibatu minn xi vizzju minħabba l-impenn bla waqfien tiegħu biex jgħin lin-nies fil-bżonn.
Comments