top of page

San Martin ta' Tours 🛡️

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Nov 11
  • 1 min read
ree

San Martin ta’ Tours twieled fis-sena 316 f’Sabaria, l-Ungerija. Il-ġenituri tiegħu kienu pagani, iżda ta’ għaxar snin Martin għażel il-Kristjaneżmu.


Ta’ ħmistax-il sena huwa daħal fl-Armata Rumana, u madwar sentejn wara ntbagħat f’Amiens, fi Franza. Waħda mill-aktar stejjer famużi dwar San Martin hija l-att ta’ karità li huwa għamel ma’ tallab fqir li kien qed ibati bil-kesħa. Imqanqal mill-kompassjoni, huwa qata’ nofs il-mantell tiegħu u tah lit-tallab. Aktar tard, Martin kellu viżjoni fejn ra’ lil Kristu liebes in-nofs mantell li kien ta lit-tallab, u dan l-episodju kien parti vitali mill-mixja spiritwali tiegħu.


Ta’ tmintax-il sena, Martin tgħammed, u ftit wara ħa d-deċiżjoni li jitlaq mill-armata hekk kif ħass li xogħlu bħala suldat kien imur kontra l-valuri kristjani. Huwa mar fil-belt ta’ Poitiers fejn ġie ordnat saċerdot minn San Ilarju, l-Isqof ta’ Poitiers. Ftit wara, Martin mar Linguè fejn għex bħala eremita. Hawn bdew jingħaqdu miegħu xi eremiti oħrajn, u eventwalment huwa waqqaf l-ewwel monasteru ta’ Franza.


Fl-371 huwa sar isqof ta’ Tours, u barra dik l-istess belt waqqaf monasteru ieħor. Bħala Isqof San Martin baqa’ jgħix ħajja sempliċi u umli, iżda ħadem ħafna biex jikkonverti lin-nies u jxerred l-evanġelju.


Huwa miet fit-8 ta’ Novembru tas-sena 397 u indifen f’Tours. Il-festa tiegħu hija ċċelebrata fil-11 ta’ Novembru, u huwa magħruf ukoll bħala l-qaddis patrun ta’ Franza, tas-suldati, u tat-tallaba.

Comments


bottom of page