top of page

San Martin de Porres 🩺

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Nov 2, 2024
  • 2 min read

San Martin de Porres twieled fid-9 ta’ Novembru tal-1579 f’Lima, il-Perù. Missieru kien Don Juan de Porres, sinjur kbir Spanjol, filwaqt li ommu kienet mara fqira ta’ ġilda skura. Meta twieled, missieru ma riedx jaf bih minħabba l-kulur tal-ġilda tiegħu, u għalhekk Martin spiċċa jgħix fil-faqar ma’ ommu.


Ta’ tnax-il sena, ommu rranġatlu biex jidħol jaħdem ma tabib li kien ukoll parrukkier, u hawnhekk Martin tgħallem kif idewwi l-ġrieħi u jamministra l-mediċa.


Minn età żgħira, huwa wera devozzjoni kbira għat-talb u kellu x-xewqa li jgħin lil dawk fil-bżonn. Għalhekk, meta kellu 15-il sena huwa talab lill-Patrijiet Dumnikani biex jidħol magħhom u jgħinhom fil-kura tal-morda fl-infermerija tal-monasteru. Għall-ewwel, minħabba l-kulur tal-ġilda tiegħu huma aċċettawh biss bħala voluntier, iżda wara disa’ snin, huma aċċettawh ukoll bħala fratell minħabba d-dedikazzjoni, l-umiltà u l-ħila tiegħu biex ifejjaq.


Maż-żmien, Martin de Porres sar magħruf għall-karità li kien jagħmel mal-morda, l-fqar, u l-emarġinati, u flimkien ma’ xi nies oħra, huwa waqqaf orfanatrofju fejn kien jieħu ħsieb u jipprovdi ikel lill-iskjavi u lill-foqra f’Lima. Barra minn hekk, huwa kien magħruf għall-imħabba tiegħu lejn l-annimali, u kien ukoll jiġbor xi flus biex jgħin lix-xebbiet fqar iħalsu d-dota biex ikunu jistgħu jiżżewġu. Martin għex ħajtu jgħin lil dawk kollha fil-bżonn u spiss kien ifakkarhom li Alla kien iħobbhom bl-istess mod li kien iħobbhom hu.


Huwa miet fit-3 ta’ Novembru tal-1639 fil-kunvent tar-Rużarju Mqaddes f’Lima. Il-funeral tiegħu kien okkajoni ta’ unur pubbliku, u wara l-mewt tiegħu huwa rrappurtat li seħħu ħafna mirakli. San Martin ġie bbeatifikat fl-1837 mill-Papa Girgor XVI, u ġie kkanonizzat bħala l-ewwel qaddis ta’ ġilda skura fl-1962 mill-Papa Ġwanni XXIII.


Il-festa tiegħu hija ċċelebrata fit-3 ta’ Novembru, u huwa magħruf ukoll bħala l-qaddis patrun tal-ġustizzja soċjali u ta’ nies ta’ razza mħallta.

Commentaires


bottom of page