top of page

San Girgor VII ⛪

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • May 24
  • 2 min read

Hildebrand Bonizi twieled madwar is-sena 1020, f’Sovana, it-Toskana. Minkejja li missieru kien mastrudaxxa, huwa rċieva edukazzjoni mill-aqwa, wisq probabbli mill-monasteru ta’ Santa Marija fuq l-Għolja Aventine f’Ruma. Sa minn età żgħira, huwa kien miġbud lejn il-Knisja, u eventwalment daħal ukoll bħala patri mal-Benedittini f’Ruma.

 

Hildebrand malajr kiseb reputazzjoni għall-inteliġenza, devozzjoni u l-ħila amministrattiva tiegħu. Huwa serva taħt diversi papiet f’diversi rwoli, inkluż bħala konsulent u ambaxxatur, u b’hekk kellu rwol kruċjali fir-riformi li kienet għaddejja minnhom il-Knisja dak iż-żmien. Wara l-mewt tal-Papa Alessandru II fl-1073, Hildebrand ġie elett Papa u ħa l-isem Girgor VII, minkejja li ma kellu ebda grad klerikali formali. L-elezzjoni tiegħu kienet meqjusa bħala pass lejn it-tisħiħ tal-indipendenza u l-integrità morali tal-papat.

 

Bħala Papa, Girgor VII huwa l-aktar magħruf għall-impenn qawwi tiegħu lejn ir-riforma tal-Knisja, speċjalment fl-isforz tiegħu biex jeqred is-Simonija (bejgħ u xiri ta’ ħwejjeġ sagri), il-Klerogamija (żwieġ ta’ qassisin) u jiddikjara l-Indipendenza tal-Knisja mill-ħakkiema sekulari. Ir-riforma l-aktar magħrufa tiegħu, id-Dicatus Papae tal-1075, sostniet li l-Papa biss kellu l-awtorità li jaħtar jew ineħħi isqfijiet u imperaturi, u li ħadd aktar ma kellux kontroll fuq dawn il-kwistjonijiet.

 

Din ir-riforma wasslet għall-kunflitt kbir magħruf bħala l-Kontroversja tal-Investitura mal-Imperatur tal-Qdusija Rumana Enriku IV. Meta Gregorju pprojbixxa lil Enriku milli jirċievi s-sagramenti wara li dan ħatar xi isqfijiet mingħajr l-approvazzjoni papali tiegħu, l-Imperatur ddikjara li l-papa kien tneħħa. Iżda ftit wara, Enrika ddispjaċih u vvjaġġa lejn Canossa biex jagħmel penitenza pubblika u jitlob maħfra. Gregorju ħafirlu, iżda m’għaddiex wisq żmien li dan il-kunflitt reġa’ beda, u meta Enriku invada Ruma u ħatar antipapa fl-1084, Gregorju ddeċieda li jaħrab.  

 

Huwa miet sena wara waqt li kien eżiljat f’Salerno. Allavolja meta miet ir-riformi tiegħu ma kinux twettqu kompletament, il-ħidma tiegħu wasslet għal bidliet kbar fil-Knisja medjevali. Huwa ġie bbeatifikat mill-Papa Benedittu XIII fl-1728, u iktar tard fl-istess sena, ġie kkanonizzat mill-istess Papa. Il-festa ta’ San Girgor VII hija ċċelebrata fil-25 ta’ Mejju, u huwa magħruf ukoll bħala wieħed mill-qaddisin patruni tar-riformi tal-Knisja,

Comments


bottom of page