San Gejtanu 🏥
- ghalikukoll
- Jul 28
- 2 min read

San Gejtanu twieled f’Ottubru tal-1480 f’Vicenza, l-Italja, fi ħdan familja nobbli u reliġjuża. Missieru Gaspar miet meta Gejtanu kellu biss sentejn, u għalhekk kienet ommu Marija li rabbietu, b’devozzjoni b’saħħitha lejn Alla u b’kompassjoni lejn il-foqra. Huwa studja l-liġi fl-Università ta’ Padova, fejn gradwa b’dottorat fil-liġi ċivila u kanonika fl-1504. Minkejja li kien nobbli u akkademikament bravu, Gejtanu għex ħajja devota u ta’ umiltà.
Fl-1506, huwa mar jgħix Ruma fejn beda jaqdi taħt il-Papa Ġulju II u anke nħatar Pronotarju Appostoliku. Iżda meta ra l-korruzzjoni u t-tħassir spiritwali li kienet qiegħda tesperjenza l-Knisja, Gejtanu tilef l-ispirtu għal dan ix-xogħol u beda jfittex ħajja aktar profonda ta’ talb u servizz. Ta’ 36 sena huwa ġie ordnat saċerdot, iżda minflok ma aċċetta dan l-irwol, Gejtanu ddedika ruħu għall-kura tal-morda u l-foqra. Huwa waqqaf sptar f’Vicenza fejn beda jieħu ħsieb u jdewwi l-pazjenti hu stess, b’mod speċjali dawk li kienu morda bil-pesta.
Fl-1523, Gejtanu rritorna Ruma fejn impennja ruħu biex jirriforma l-kleru u jġedded il-fidi fost in-nies. Flimkien ma’ Giampietro Carafa, li aktar tard sar il-Papa Pawlu IV, huwa waqqaf il-Kongregazzjoni tal-Kjeriċi Regolari, li aktar tard saret magħrufa bħala t-Teatini. Din l-ordni ġdida ta’ saċerdoti iffokat fuq il-qdusija personali, il-faqar, l-ippridkar, u t-tiġdid tal-ħajja fi ħdan il-Knisja. It-Teatini kellhom l-għan li jkunu eżempji ta’ ħajja Nisranija vera. Huma rrifjutaw li jkollhom kwalunkwe propjetà, u minflok jittalbu għall-flus, poġġew il-fiduċja sħiħa tagħhom fil-Providenza Divina.
Fl-1527, waqt li Ruma kienet qiegħda tiġi misruqa, Gejtanu nqabad u ġie ttorturat mis-suldati li ppruvaw iġegħluh jikxef it-teżori tal-Knisja. Minkejja dan, huwa baqa jissaporti t-tbatija u ma ċediex. Wara li nħeles, huwa kompla l-missjoni tiegħu billi waqqaf komunitajiet Teatrini f’iktar bliet Taljani bħal Napoli, Verona, u Venezja. Il-fiduċja profonda tiegħu f’Alla saret karatteristika ewlenija ta’ ħajtu, u sar ukoll magħruf bħala l-“Missier tal-Providenza Divina”. Tul ħajtu, Gejtanu qatt ma fittex il-ġid materjali jew il-kumdità, iżda straħ għalkollox fuq il-providenza ta’ Alla għall-bżonnijiet kollha tiegħu.
Gejtanu miet fis-7 ta’ Awwissu tal-1547 f’Napli, imdawwar minn sħabu, il-membri tal-ordni li kien waqqaf. Huwa ġie bbeatifikat mill-Papa Urbanu VIII fl-1629, u aktar tard fl-1671 il-Papa Klement X ikkanonizzah.
San Gejtanu huwa magħruf bħala l-qaddis patrun ta’ dawk li jkunu qegħdin ifittxu xogħol, minħabba l-fiduċja profonda li kellu fil-Providenza Divina. Il-festa tiegħu hija ċċelebrata fis-7 ta’ Awwissu, u f’Malta huwa wkoll magħruf bħala wieħed mill-patruni tal-Ħamrun.
Comments