San Franġisku u Santa Ġjaċinta Marto 👫
- ghalikukoll
- Feb 15
- 1 min read

Franġisku u Ġjaċinta Marto kienu żewġ aħwa Portugiżi li saru magħrufa sew għall-irwol tagħhom fid-dehriet tal-Madonna ta’ Fàtima fl-1917.
Imwielda f’familja fqira f’Aljustrel, il-Portugal, Franġisku (imwieled fil-11 ta’ Ġunju 1908) u Ġjaċinta (imwielda fil-11 ta’ Marzu 1910) kienu l-kuġini ż-żgħir ta’ Luċija dos Santos, il-viżjonarja ewlenija tal-ġrajjiet ta’ Fàtima.
It-tlett itfal kienu qegħdin jirgħu n-nagħaġ f’Cova da Iria meta għall-ewwel darba fit-13 ta’ Mejju 1917 deheritilhom il-Madonna ta’ Fàtima. B’kollox deheritilhom sitt darbiet, u f’dawn id-dehriet hi talbithom jitolbu għall-konverżjoni tal-midinbin u biex ixerrdu d-devozzjoni lejn il-qalb immakulata ta’ Marija. Darba minnhom, il-Madonna qalet lil Franġisku u l-Ġjaċinta li hi ma kinitx se ddum ma tibgħat għalihom biex jingħaqdu magħha fil-ġenna, waqt li Luċija kellha tibqa’ ħajja biex titgħallem taqra u tikteb u xxerred mad-dinja d-devozzjoni lejha. Matul id-dehriet, Franġisku u Ġjaċinta wrew fidi kbira, u minkejja l-età żgħira tagħhom, aċċettaw is-sejħa tal-Madonna għat-talb u s-sagrifiċċju.
Franġisku miet bil-pulmonite fl-4 ta’ April 1919, filwaqt li Ġjaċinta mietet b’marda simili fl-20 ta’ Frar 1920. Iż-żewġ aħwa jinsabu midfunin fil-Bażilika tal-Madonna tar-Rużarju f’Fàtima, il-Portugal. Din il-bażilika jżuruha miljuni ta’ pellegrini kull sena li jmorru biex jonoraw il-memorja tagħhom u jitolbu l-interċessjoni tagħhom.
Franġisku u Ġjaċinta ġew ibbeatifikati fis-sena 2000 mill-Papa Ġwanni Pawlu II f’Fàtima, u ġew iddikjarati qaddisin iktar tard fl-2017 mill-Papa Franġisku. Il-festa tagħhom hija ċċelebrata kull sena fl-20 ta’ Frar.
Comments