San Franġisk t'Assisi 🌿
- ghalikukoll
- Sep 28, 2024
- 3 min read

Franġisk twieled lejn l-aħħar tas-seklu tnax f’Assisi, l-Italja. Meta twieled, missieru Pietro, li kien kummerċjant għani tad-drappijiet kien imsiefer fuq xogħol fi Franza, u ommu għammditu bl-isem Giovanni. Iżda meta wasal lura, missieru biddillu ismu għal Francesco, probabbilment minħabba l-imħabba li huwa kellu lejn Franza. Franġisk attenda l-iskola tal-parroċċa fejn tgħallem jikteb u jaqra bil-Latin, kif ukoll kiseb xi għarfien tal-lingwa u l-letteratura Franċiża.
Bħal Missieru, Franġisk kien jaf iħaddem moħħu biex jaqla l-flus, iżda minflok jużahom bil-għaqal, hu kien jaħlihom fuq id-divertiment. Il-ħbieb tiegħu spiss kienu jixxalaw minn fuq dahru, u kienu jarawh bħala l-mexxej tagħhom hekk kif kien kapaċi jagħti ħajja lill-festi li kienu jiġu organizzati. Fl-1202, hu ħa sehem fi gwerra bejn Assisi u Perugia, fejn inżamm priġunier għal kważi sena. Malli inħeles, huwa marad serjament, u wara li rkupra mar Pulja bit-tama li jinħatar Kavallier. Iżda, waqt li kien qed jivjaġġa kellu viżjoni li ħajritu jirritorna lejn Assisi u jistenna sejħa għal tip ġdid ta’ suldat.
Lura f’Assisi, għal Franġisk beda żmien ġdid fejn nesa l-ħbieb tal-imgħoddi u ntefa’ f’ħajja ta’ ġabra u talb bit-tama li jsir jaf ir-rieda t’Alla għalih. Kien hawnhekk li hu beda jesperjenza sensiela ta’ esperjenzi spiritwali li wasslu għall-konverżjoni tiegħu. Fost dawn l-esperjenzi nsibu meta għen u bies lill-bniedem milqut mill-ġdiem, u meta għall-ewwel darba kellmu Kristu msallab fil-knisja ta’ San Damjan. Franġisk baqa’ ġeneruż bħal qabel, iżda issa dawk li kellhom bżonn il-ġenerożita u l-imħabba tiegħu kienu l-fqar u l-morda. Hu kien ukoll jgħin lill-knejjes foqra ta’ Assisi u lis-saċerdoti li kienu jieħdu ħsiebhom.
Missieru kien jittama li dak li kien qiegħed jagħmel ibnu kien biss għal żmien qasir, iżda meta rrealizza li ibnu ma kienx se jieqaf, hu ressqu quddiem l-isqof ta’ Assisi. Qabel ma bdew isiru l-akkużi, Franġisk wettaq att li ssorprenda lil kull min kien preżenti. Huwa neħħa l-ħwejjeġ tiegħu, tahom lil missieru, u ddikjara li minn dak il-mument ‘il quddiem, ma kienx se jibqa jsejjaħ lil Pietro missieru, imma kien se jagħraf biss lil Alla bħala missieru.
Wara li għamel dan, Franġisk beda jgħix ħajja sempliċi ta’ talb u penitenza. Huwa rranġa l-knisja ta’ San Damjanu, u rranġa wkoll kappella ddedikata lil San Pietru Appostlu u oħra ddedikata lil Santa Marija tal-Anġli. Darba waħda, waqt li kien qiegħed jisma l-Evanġelju fil-knisja ta’ Santa Marija tal-Anġli ntlaqat ħafna mill-kliem li qal Ġesù lill-appostli meta ħabbar x’kellha tkun il-missjoni tagħhom: “Intom u sejrin, xandru u għidu li s-Saltna tas-Smewwiet waslet... Tfittxux li jkollkom flus fuqkom, la tad-deheb, la tal-fidda u lanqas tar-ram; u la ħorġa għat-triq, la żewġ ilbiesi, la qrieq u lanqas ħatar, għax il-ħaddiem ħaqqu ħobżu. Fil-belt jew raħal fejn tidħlu, araw ikunx hemm min jixraqlu tmorru għandu, u ibqgħu f’daru sa ma titilqu minn hemm.” Franġisk ħass li dawn il-kliem kienu qegħdin jingħadu għalih, u wara li fissiromlu saċerdot, hu beda jipriedka l-paċi u l-penitenza. Għalkemm ma kienx jitkellem bil-kliem diffiċli tal-għorrief, xorta waħda rnexxielu jsaħħar lin-nies bi kliemu.
Xi nies bdew juru x-xewqa li jaqsmu l-istess ħajja miegħu, u wara li ġab l-approvazzjoni tal-Papa Innoċenz III, fl-1209 Franġisk uffiċċjalment waqqaf l-Ordni tal-Franġiskani. Hu kompla jdur minn post għall-ieħor fejn kien jipriedka b’kelmiet li kien jifhimhom kulħadd, u anki l-għorrief u l-kbar tad-dinja kienu jisimgħuh. Fl-1212, Franġisk waqqaf it-tieni ordni tiegħu, din id-darba ta’ sorijiet. Santa Klara ta’ Assisi bdiet tmexxihom u huma bdew jissejħu il-Klarissi.
Hu dejjem kellu x-xewqa li jipriedka f’postijiet oħrajn barra l-Italja, u għalhekk f’Lulju tal-1219 mar l-Eġittu. Allavolja is-Sultan Malik-el-Kamil kien Musulman, hu xorta waħda laqgħu tajjeb u sema’ l-kelma tiegħu hekk kif kien konvint li hu ried il-ġid. Fl-1221, ta’ madwar 40 sena Franġisk marad, u hekk kif l-ordni tiegħu kompliet tikber, hu għażel lil Fra Elija ta’ Cortona biex ikun il-Vigarju tiegħu fit-tmexxija.
Darba waħda, fis-sajf tal-1224 San Franġisk kien qiegħed jitlob fis-skiet tal-kunvent fuq il-għolja La Verna meta jingħand li dehrlu Ġesù b’sitt iġwienah msallab ma’ salib. Waqt li San Franġisk kien mitluf f’estasi ta’ mħabba, bdew jidhru fuqu l-istess pjagi bħal ma kellu Ġesù fuq idejh, riġlejh u ġenbejh.
Għall-kumplament ta’ ħajtu, ftit kienu n-nies li kienu jafu bil-pjagi tiegħu hekk kif San Franġisk marad u kien qiegħed wkoll jgħama. Fl-1225, San Franġisk irċieva xi kura mill-Ordni Papali f’Rieti, iżda din ma ħadmitx. Wara dan huwa għadda perjodu qasir fi Sniena u f’Cortona, sakhemm f’April tal-1226, minħabba saħħtu huwa kellu jirritorna lejn il-belt ta’ Assisi.
San Franġisk miet fit-3 ta’ Ottubru tal-1226 fil-preżenza ta’ diversi reliġjużi qrib il-kappella tal-Portiuncula, post għażiż għalih fejn kien imur spiss għall-kwiet. Inizjalment hu ġie midfun fil-Knisja ta’ San Ġorġ f’Assisi, iżda fl-1230 il-fdalijiet tiegħu ġew trasferiti fil-Bażilika ta’ San Franġisk f’Assisi stess li nbniet għalih. San Franġisk ġie kkanonizzat mill-Papa Girgor IX fl-1228, u huwa magħruf ukoll bħala l-qaddis patrun tal-ambjent, tal-annimali, u tal-Italja.
Comments