top of page

San Duminku 📜

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Aug 3, 2024
  • 1 min read

San Duminku twieled f’Calaruega fi Spanja fl-1170. Ta erbatax-il sena, beda jistudja l-filosofija u t-teoloġija fl-Università ta’ Palencia. Waqt li kien għadu student sar Kanonku tal-Katidral ta’ Osma, u wara l-ordniazzjoni tiegħu, mar jgħix mal-Kanoniċi.


Fl-1203, l-isqof ta’ Osma intbagħat f’missjoni rjali u ħa lil Duminku miegħu. Dan il-vjaġġ għamel lil Duminku konxju tal-ħsara li kienu qegħdin jagħmlu l-Albiġiżi li kienu jxerrdu tagħlim falz u ereżiji oħra dwar il-knisja fi Franza. Fl-Anguedoc, Duminku ltaqa’ ma’ raġel Albiġiż fejn flimkien għaddew lejl sħiħ jiddiskutu u jiddibattu sakhemm Duminku rnexxielu jikkonvinċi lir-raġel biex jerġa jibda jiprattika r-reliġjon kattolika.


Mqanqal mill-qagħda spiritwali tan-nies, hu ħass il-bżonn li jipprietka u jikkontesta t-tagħlim eretiku, u kien għalhekk li ma xi segwaċi kattoliċi oħra Duminku waqqaf l-ordni Dumnikana fl-1215. L-għan prinċipali ta’ din l-ordni kienet li l-membri tagħha jipprietkaw il-Vanġelu biex jikkumbattu l-ereżiji. Barra minn hekk, l-Ordni Dumnikana enfasizzat ukoll l-importanza tal-edukazzjoni u t-taħriġ intellettwali rigoruż, u l-impenn li jgħinu lill-fqar.


Fi ftit żmien, l-ordni bdiet tinxtered f’pajjiżi oħra bħal Spanja, L-Ingilterra, u l-Italja, sakhemm fl-1220, il-Papa Onorju III ħatar lil San Duminku bħala Superjur Ġenerali tal-Ordni. Fl-istess sena, San Duminku sejjaħ l-ewwel Kapitlu Ġenerali f’Bologna.


Fl-1221, Duminku marad waqt li kien għadu f’Bologna, u wara madwar tliet ġimgħat miet fis-6 ta’ Awwissu. Hu ġie kkanonizzat fl-1234 mill-Papa Girgor IX, u allavolja hu miet fis-6 ta’ Awwissu, il-festa tiegħu tiġi ċċelebrata fit-8 ta’ Awwissu sabiex tevita l-koinċidenza mal-Festa tat-Trasfigurazzjoni tal-Mulej, li tiġi ċċelebrata fl-istess ġurnata.


Illum il-ġurnata, id-Dumnikani jinsabu mxerdin madwar id-dinja kollha, inkluż f’Malta fejn nsibu ħames kunventi fir-Rabat, fil-Birgu, fil-Belt Valletta, f’tas-Sliema, u fi Gwardamanġa.

 


Verżjoni Video:











Comentários


bottom of page