top of page

San Barnaba 🇨🇾

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Jun 7
  • 1 min read

San Barnaba, oriġinarjament imwieled f’Ċipru bl-isem Joseph, kien raġel Lhudi mit-tribù ta’ Levi. Wisq probabbli għex fl-ewwel seklu, u minħabba li kien influwenzat mill-kultura Griega, kien jitkellem il-Grieg.

 

Iktar tard f’ħajtu huwa mar jgħix Ġerusalemm fejn ingħaqad mal-komunità Kristjana tal-bidu. Hawnhekk, huwa ngħata l-isem Barnaba li jfisser “bin il-faraġ” minħabba l-ġenerożità u l-qalb tajba tiegħu. Barra minn hekk, Barnaba kien fost l-ewwel Insara li biegħu il-propjetà tagħhom biex jgħinu l-Knisja finanzjarjament, u dan il-ġest juri l-impenn profond tiegħu lejn il-moviment Nisrani.

 

Fost il-ħidma tiegħu, Barnaba huwa l-aktar magħruf għall-ħidma tiegħu ma’ San Pawl ta’ Tarsu. Wara l-konverżjoni ta’ Pawlu, ħafna Kristjani baqgħu jibżgħu minnu minħabba l-passat tiegħu, iżda Barnaba fada lil Pawlu u introduċieh lill-appostli u lill-bqija tal-komunità Nisranija. Iktar tard, Barnaba ntbagħat f’Antijokja biex jinkuraġġixxi u jiggwida lil dawk li bdew jikkonvertu. Meta ra’ l-grazzja ta’ Alla taħdem, huwa stieden lil Pawlu biex jingħaqad miegħu f’Antijokja. Pawlu aċċetta u flimkien qattgħu sena jgħallmu f’dan il-post.

 

Madwar is-sena 46 wara Kristu, Barnaba u Pawlu ntbagħtu fuq vjaġġ missjunarju f’Ċipru u fl-Asja Minuri biex jippritkaw lil dawn il-popli. Hawnhekk, Minkejja li ffaċċjaw persekuzzjoni u reżistenza kbira, huma rnexxielhom jikkonvertu ħafna nies. Iżda nuqqas ta’ qbil bejn Barnaba u Pawlu wassal biex dawk jinfirdu, u Barnaba rritorna lura Ċipru ma’ San Mark.

 

Allavolja ma jerġax jissemma fl-Atti tal-Appostli, it-tradizzjoni tgħid li Barnaba kompla jiprietka u eventwalment miet martri f’Ċipru madwar is-sena 61. Huwa ġie midfun taħt kappella Biżantina ħdejn il-Monasteru ta’ Barnaba fil-Belt ta’ Salamis f’Ċipru. Il-festa ta’ San Barnaba hija ċċelebrata fil-11 ta’ Ġunju, u huwa magħruf ukoll bħala l-qaddis patrun ta’ Ċipru.

Comments


bottom of page