San Andrija ✖
- ghalikukoll
- Nov 30, 2024
- 1 min read

Indrì kien minn Betsajda, villaġġ tas-sajd tul il-Baħar tal-Galilija, u bħal ħuħ Xmun, kien sajjied.
Oriġinarjament, hu kien dixxiplu ta’ Ġwanni il-Battista, u l-ewwel darba li ra’ lil Ġesù kien waqt li Ġwanni kien qiegħed jgħammed f’Betsajda. Affaxxinat b’Ġesù, Indrì mar warajh u iktar tard ħa lil ħuħ biex jiltaqa’ miegħu wkoll. B’hekk dawn iż-żewġ aħwa saru dixxipli ta’ Ġesù.
Darba waħda, waqt li kienu qegħdin jistadu Ġesù ltaqa’ magħhom u qalilhom “Ejjew, u nagħmilkom sajjieda tal-bnedmin”. Indrì u Xmun marru warajh u saru l-ewwel żewġ Appostli tiegħu.
Huwa magħruf li wara l-mewt ta’ Ġesù, San Andrija ppriedka mhux biss fl-Art Imqaddsa iżda wkoll f’postijiet oħrajn ‘il bogħod bħall-Asja Minuri u l-Greċja. Infatti, minħabba l-vjaġġi tiegħu huwa magħruf bħala wieħed mill-qaddisin patruni ta’ pajjiżi bħall-Iskozja, ir-Russja u l-Greċja.
Huwa miet martri f’Patras il-Ġreċja f’madwar is-sena 60WK, wara li ġie msallab fuq salib forma ta’ X. Minħabba l-forma tas-salib, San Andrija dam ibati jumejn fuq is-salib, iżda kien hu li talab li jissallab b’dan il-mod, għax b’rispett ma ħassx li kien ħaqqu jissallab bħal Alla nnifsu.
Fil-kitbiet tiegħu, San Ġilormu qal li wara l-mewt ta’ San Andrija, l-fdalijiet tiegħu ttieħdu f’Konstantinopli fuq ordni tal-Imperatur Ruman fl-357, u aktar tard fl-1208, il-katavru tiegħu ttieħed fil-Knisja ta’ San Andrija f’Amalfi, L-Italja. Fis-seklu 15, rasu ttieħdet fil-Bażilika ta’ San Pietru f’Ruma, iżda fl-1964, il-Papa Pawlu VI rritorna r-ras tiegħu f’Patras bħala ġest ta’ rieda tajba lejn l-Insara tal-Ġreċja.
Il-festa tiegħu hija ċċelebrata fit-30 ta’ Novembru u huwa magħruf wkoll bħala l-qaddis patrun tas-sajjieda.
Comments