top of page

San Ambroġ 📜

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Dec 7, 2024
  • 2 min read

Aurelius Ambrosius twieled f’Treviri il-Ġermanja fis-sena 340. Ftit wara t-twelid tiegħu, missieru, li kien uffiċjali Ruman ta’ grad għoli miet, u flimkien ma’ ommu u ħutu mar jgħix Ruma. Hawnhekk, Aurelius studja suġġetti bħar-retorika, l-filosofija, l-Grieg, u eventwalment anke l-liġi.


Ta’ 28 sena sar avukat u kien pjuttost popolari tant li l-Imperatur Valentinjanu ħatru Gvernatur ta’ Ligurja u Emilja fis-sena 372.


Fis-sena 374, l-Isqof ta’ Milan miet u Ambroġ kien fost dawk preżenti għall-elezzjoni biex jagħżlu isqof ġdid. Ġara li dawk preżenti ma setgħux jaqblu bejniethom lil min kienu se jagħżlu, u biex jikkalma s-sitwazzjoni, Aurelius mar il-knisja biex jindirizza l-ġemgħa. Spirati mill-fidi u l-elokwenza tiegħu, il-poplu ta’ Milan unanimament bdew jgħajjtu “Ambroġ Isqof!”. Għall-ewwel, huwa rrifjuta hekk kif qas biss kien mgħammed, iżda wara insistenza qawwija mill-Imperatur, Aurelius aċċetta, tgħammed u ġie kkonsagrat bħala Isqof ta’ Milan fis-7 ta’ Diċembru tas-sena 374.


Bħala Isqof, huwa għex ħajja sempliċi iżda ħadem ħafna biex jiddefendi l-Knisja u t-tagħlim tagħha, b’mod speċjali kontra l-Arjaniżmu. San Ambroġ kkontribwixxa wkoll għall-konverżjoni ta’ ħafna nies, inkluż Santu Wistin li aktar tard sar wieħed mill-aktar teoloġi mportanti tal-Knisja. Huwa kiteb ukoll diversi trattati, ittri, u innijiet, u dawn ħallew influwenza pjuttost kbira fuq il-Knisja. Darba, meta l-Imperatur Valentinjanu ried jindaħal fl-affarijiet tal-Knisja, l-Isqof Ambroġ oppona bil-qawwa l-indħil tiegħu u qallu li bħala Imperatur huwa għandu jkun parti mill-Knisja, u mhux fuqha.


San Ambroġ miet f’April tas-sena 397 wara perjodu ta’ problemi tas-saħħa. Wara l-mewt tiegħu, huwa ġie midfun fil-Bażilika ta’ San Ambroġ f’Milan, fejn l-qabar tiegħu sar post popolari ta’ qima. Il-Papa Bonifaċju VIII iddikjarah Duttur tal-Knisja fl-1298 minħabba il-kontribuzzjonijiet tiegħu għat-teoloġija, il-liturġija u d-difiża tal-awtorità tal-Knisja.


Il-festa ta’ San Ambroġ hija ċċelebrata kull sena fis-7 ta’ Diċembru, u huwa magħruf ukoll bħala l-qaddis patrun ta’ Milan.

Comentarios


bottom of page