San Alwiġi Gonzaga 🎓
- ghalikukoll
- 1 hour ago
- 1 min read

San Alwiġi Gonzaga twieled nhar id-9 ta’ Marzu 1568 f’Castiglione delle Stiviere, raħal żgħir fin-naħa ta’ fuq tal-Italja. Huwa kien ġej minn familja nobbli, u billi kien l-iben il-kbir, missieru Ferrante kien jittama li ibnu jsegwi karriera militari. Iżda minn età żgħira, Alwiġi wera spirtu reliġjuż qawwi, u ta’ sebgħa snin kien diġà jitlob u jqerr waħdu.
Ta’ tmien snin, huwa ntbagħat Firenze u iktar tard Madrid biex jirċievi edukazzjoni tajba dwar il-politika u l-militar. Iżda minkejja li kien imdawwar b’tant ġid u tentazzjonijiet, Gonzaga baqa’ ffukat fuq il-ħajja spiritwali, fejn kien iqatta ħin twil jitlob u jaqra l-kotba reliġjużi. Ta’ ħmistax-il sena, huwa wera x-xewqa li jingħaqad mal-Ġiżwiti, iżda missieru oppona dan bil-qawwa. Minkejja dan, wara ħafna reżistenza, missieru eventwalment aċċetta, u ta’ dan, Alwiġi rrinunzja l-wirt tiegħu.
Fl-1585, fl-età ta’ sbatax-il sena, huwa ingħaqad mas-Soċjetà ta’ Ġesù f’Ruma. Bħala novizzju ħaddan ħajja ta’ umiltà, studju, u devozzjoni. Matul dan iż-żmien, is-saħħa tiegħu bdiet aktar u aktar issir fraġli, parzjalment minħabba l-penitenza intensa tiegħi. Minkejja dan, huwa baqa’ jaħdem b’mod dedikat għas-sejħa tiegħu.
Fl-1591, faqqgħet pesta f’Ruma, u Alwiġi offra li jieħu ħsieb il-morda fi sptar tal-Ġiżwiti. Eventwalment, huwa spiċċa marad hu stess waqt li kien qiegħed jgħin lil raġel li kien qiegħed imut. Għalkemm għex għal ftit iktar żmien, huwa miet fl-21 ta’ Ġunju 1591, fl-età ta’ 23 sena.
San Alwiġi Gonzaga ġie bbeatifikat mill-Papa Pawlu V fl-1605, u iktar tard fl-1726, il-Papa Benedittu XIII ikkanonizzah. Il-festa tiegħu hija ċċelebrata kull sena fil-21 ta’ Ġunju, u huwa magħruf ukoll bħala l-qaddis patrun tal-istudenti, u tal-Insara żgħażagħ.
Comments