Papa Martin I ⚔️
- ghalikukoll
- Apr 12
- 1 min read

San Martin Twieled f’Todi, fir-reġjun ta’ Umbrija, l-Italja lejn l-aħħar tas-sitt seklu. Hu kien ġej minn familja sinjura, u għalhekk kellu l-opportunità li jirċievi edukazzjoni tajba ħafna, partikolarment fit-teoloġija u fil-kwistjonijiet ekkleżjali. Qabel ma sar Papa, Martin serva bħala djaknu fil-Knisja ta’ Ruma, fejn kien magħruf għall-ħiliet diplomatiċi tiegħu u l-fehim profond tat-teoloġija. Iktar tard, huwa sar ukoll l-ambaxxatur tal-Papa f’Konstantinopli, fejn kiseb esperjenza fil-qorti Biżantina u l-kontroversji reliġjużi tagħha.
Wara l-mewt tal-Papa Teodoru I fl-649, Martin ġie elett bħala l-74 Papa tal-Knisja Kattolika fi żmien ta’ konstroversja teoloġika magħrufa bħala l-kontroversja Monotelita. Din l-ereżija kienet tgħid li filwaqt li Kristu kellu żewġ naturi (umana u divina), kellu rieda waħda biss. Dan ifisser li, skont l-ideoloġija Monotelitika, Kristu ma kellux rieda umana separata minn rieda divina. Fiż-żmien tiegħu bħala Papa, San Martin oppona bis-sħiħ it-tagħlim tal-Monoteliti, u sejjaħ ukoll sinodu fejn kkundanna liġi ordnata mill-Imperatur Kustanz II li kien għamel biex jinforza l-Monoteletiżmu.
Meta sar jaf b’dan, l-Imperatur Kustanz ordna l-arrest tal-Papa Martin, u aktar tard dan ġie eżiljat lejn il-gżira ta’ Naxos fil-Baħar Eġew, fejn sofra minn negliġenza u trattament ħażin. Minkejja dan, il-Papa Martin kompla jirreżisti t-tagħlim tal-Monoteliti. Hu kiteb ittri u kkorisponda ma’ isqfijiet u mexxejja reliġjużi oħra li qablu mal-pożizzjoni tiegħu.
Iktar tard, il-Papa Martin ġie trasferit lejn Cherson, illum parti mill-Ukrajna, u hawnhekk huwa kompla jgħix ħajja diffiċli ta’ faqar u mard. Wara madwar sena ta’ eżilju, il-Papa Martin miet fis-16 ta’ April tas-sena 655, x’aktarx minħabba l-kundizzjonijiet ħorox li kien qiegħed jgħix fihom. Il-festa tiegħu hija ċċelebrata kull sena fit-13 ta’ April u huwa magħruf bħala l-aħħar Papa li miet martri.
Comments