top of page

L-Għoxrin Ħadd ta' Matul is-Sena 🔥

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Aug 16
  • 2 min read

📗 L-Ewwel Qari:

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Ġeremija

(Ġeremija 38: 4-6, 8-10)

F’dak iż-żmien, il-prinċpijiet marru jgħidu lis-sultan: “Ħalli jiġi maqtul Ġeremija, għax b’dan il-kliem li qiegħed jgħidilhom qiegħed jaqta’ qalb is-suldati li fadal f’din il-belt u qalb il-poplu kollu. Tassew, bniedem bħal dan mhuwiex ifittex il-ġid ta’ dan il-poplu, imma l-qerda tiegħu”. U s-sultan Sedekija qalilhom: “Araw, f’idejkom, hu! Għax is-sultan ma jista’ jagħmel xejn magħkom”.


U ħadu lil Ġeremija u xeħtuh fil-bir ta’ Malakija, bin is-sultan, li kien fil-bitħa tal-għassa; imbagħad lil Ġeremija niżżluh bil-ħbula f’dan il-bir; ilma ma kienx fih, imma ħama biss; u Ġeremija għodos fil-ħama.


Għebed-melek ħareġ mill-palazz tas-sultan, mar ikellmu u qallu: “Sidi s-sultan, dawn in-nies ġiebu ruħhom ħażin f’kulma għamlu lil Ġeremija, il-profeta, li xeħtuh fil-bir, u dalwaqt imut bil-ġuħ, għax ma baqax ħobż fil-belt”.


Is-sultan imbagħad ordna lil Għebed-melek, il-Kusi, u qallu: “Ħu miegħek tlitt irġiel minn dawn u mur tella’ lil Ġeremija, il-profeta, mill-bir, qabel ma jmut”.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Inroddu Ħajr lil Alla

 

 

📘 Salm Responsorjali:    

R/. Mulej, fittex għinni.

(Salm 40: 2, 3, 4, 18)

Ittamajt b’tama qawwija fil-Mulej;

hu niżel ħdejja

u sama’ l-għajta tiegħi. R/.


Minn bir waħxi tellagħni,

minn qalb il-ħama u t-tajn;

fuq il-blat qegħedli riġlejja,

u saħħaħli l-mixi tiegħi. R/.


Qegħedli fuq fommi għanja ġdida,

għanja ta’ tifħir lil Alla tagħna.

Ħafna jaraw u jimtlew bil-biża’ tiegħu,

u jittamaw fil-Mulej. R/.


Jien, fqajjar u msejken,

għandi ’l Sidi jaħseb fija.

Inti l-għajnuna u l-ħelsien tiegħi;

iddumx ma tgħinni, Alla tiegħi! R/.

 


📙 It-Tieni Qari:

Qari mill-Ittra lil-Lhud

(Lhud 12: 1-4)

Ħuti, ladarba aħna wkoll għandna madwarna sħaba hekk kbira ta’ xhieda, ejjew inwarrbu minna kull xkiel u kull dnub li malajr ifixkilna, u b’qalbna qawwija nibqgħu niġru t-triq tal-prova li għandna quddiemna.


Inżommu għajnejna merfugħa lejn Ġesù, li minnu tibda u fih tintemm il-fidi tagħna; hu li, flok l-hena li kellu quddiemu, qagħad għas-salib bla xejn ma qies l-għajb tiegħu, u issa qiegħed fuq in-naħa tal-lemin tat-tron ta’ Alla.


Aħsbu mela fih, li qagħad għal oppożizzjoni hekk kbira min-naħa tal-midinbin, biex ma tegħjewx u ma taqtgħux qalbkom. Sa issa fil-ġlieda tagħkom kontra d-dnub, għad ma żammejtux hekk iebes li wasaltu biex xerridtu demmkom.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Inroddu Ħajr lil Alla

  


📕 Akklamazzjoni Qabel l-Evanġelju:

(Ġwanni 10: 27)

Hallelujah. R/. Hallelujah.

In-nagħaġ tiegħi jisimgħu leħni, jgħid il-Mulej;

u jiena nagħrafhom, u huma jimxu warajja.

R/. Hallelujah.

 

 

📕 L-Evanġelju:  

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

(Luqa 12: 49-53)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Nar ġejt inqiegħed fuq l-art, u kemm nixtieq li diġà qabad! Iżda hemm magħmudija li biha għandi nitgħammed, u x’diqa għandi sa ma dan iseħħ! Taħsbu intom li jien ġejt inġib il-paċi fid-dinja? Le, ngħidilkom, imma l-firda; għax mil-lum ’il quddiem ħamsa min-nies f’dar waħda jkunu mifruda bejniethom, tlieta kontra tnejn u tnejn kontra tlieta; jinfirdu l-missier kontra l-iben u l-iben kontra l-missier, l-omm kontra l-bint u l-bint kontra l-omm, omm ir-raġel kontra mart binha u mart l-iben kontra omm żewġha”.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Comments


bottom of page