top of page

L-Għoxrin Ħadd ta' Matul is-Sena 🍷

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Aug 16, 2024
  • 2 min read

📗 L-Ewwel Qari:

Qari mill-Ktieb tal-Proverbji

(Proverbji 9: 1-6)

L-għerf bena d-dar tiegħu,

waqqaf is-seba’ kolonni tagħha;

qatel il-bhejjem imsemmna,

ħejja l-inbid u l-mejda tiegħu.

 

U bagħat il-qaddejja

jxandru l-istedina minn fuq l-imkejjen għolja tal-belt:

«Min hu ċkejken ħa jiġi għandi!»

 

U lil min hu bla moħħ jgħidlu:

«Ejjew, kulu l-ħobż tiegħi

u ixorbu l-inbid li ħejjejt għalikom.

Warrbu l-bluhat tagħkom, u tgħixu,

u timxu ’l quddiem fl-għaqal.»

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu Ħajr lil Alla

 

 

📘 Salm Responsorjali:    

R/. Ippruvaw u taraw kemm hu tajjeb il-Mulej

(Salm 34: 2-3, 10-11, 12-13, 14-15)

Kull ħin inbierek il-Mulej;

tifħiru dejjem fuq fommi.

Bil-Mulej tiftaħar ruħi;

jisimgħu l-fqajrin u jifirħu. R/.

 

Ibżgħu mill-Mulej, qaddisin tiegħu;

xejn ma jonqsu min jibża’ minnu.

Is-setgħana jiftaqru u jbatu l-ġuħ;

min ifittex lill-Mulej xejn ma jkun jonqsu.   R/.

 

Ejjew uliedi, isimgħu lili;

jiena l-biża’ tal-Mulej ngħallimkom.

Min hu l-bniedem li jħobb il-ħajja,

u jixtieq jara għomru kollu riżq?   R/.

 

Ħares ilsienek mill-ħażen,

u xufftejk minn kliem il-qerq.

Tbiegħed mill-ħażen u agħmel it-tajjeb,

fittex is-sliem u imxi warajh.  R/.

 

 

📙 It-Tieni Qari:

Qari mill-Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Efesin                            

(Efesin 5: 15-20)


Ħuti, qisu sewwa kif iġġibu ruħkom, mhux bħal nies bla dehen, iżda bħal nies għorrief, li jgħożżu ż-żmien, għaliex ħżiena huma l-jiem. Għalhekk tkunux bla għaqal, imma fittxu x’inhi r-rieda tal-Mulej.

 

U tiskrux bl-inbid, li fih hemm ħajja bla lġiem, iżda mtlew bl-Ispirtu. Kantaw flimkien salmi, innijiet u għana spiritwali; kantaw u għannu minn qalbkom lill-Mulej. Roddu dejjem ħajr għal kollox lil Alla u l-Missier, f’isem Sidna Ġesù Kristu.

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu Ħajr lil Alla

 

 

📕 Akklamazzjoni Qabel l-Evanġelju:

(Ġwanni 6: 56)

Hallelujah. R/. Hallelujah

Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih.

R/. Hallelujah

 

 

📕 L-Evanġelju:  

Qari mill-Evanġelju skont Ġwann

                                                                            (Ġwanni 6: 51-58)


F’dak iż-żmien, Ġesù qal lin-nies: «Jiena hu l-ħobż il-ħaj, li niżel mis-sema. Jekk xi ħadd jiekol minn dan il-ħobż jgħix għal dejjem. U l-ħobż li jiena nagħti huwa ġismi għall-ħajja tad-dinja.»

 

Fuq hekk il-Lhud tlewwmu bejniethom, u bdew jgħidu: «Kif jista’ dan jagħtina ġismu biex nikluh?»

 

Ġesù mela qalilhom: «Tassew tassew ngħidilkom, jekk ma tiklux il-ġisem ta’ Bin il-bniedem u ma tixorbux demmu, ma jkollkomx il-ħajja fikom. Min jiekol ġismi u jixrob demmi għandu l-ħajja ta’ dejjem, u jiena nqajmu mill-imwiet fl-aħħar jum. Għax ġismi huwa tassew ikel, u demmi hu tassew xorb.

 

Min jiekol ġismi u jixrob demmi jibqa’ fija u jiena fih. Bħalma bagħatni l-Missier, li hu ħaj, u jiena ngħix b’Missieri, hekk ukoll min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija.

 

Dan huwa l-ħobż li niżel mis-sema; mhuwiex bħal dak li kielu missirijietkom u mietu; min jiekol dan il-ħobż jgħix għal dejjem.»

 

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Comments


bottom of page