L-Għaxar Ħadd ta' Matul is-Sena 😇
- ghalikukoll
- Jun 5, 2024
- 3 min read
📗 L-Ewwel Qari:
Qari mill-Ktieb tal-Ġenesi (Ġenesi 3: 9-15)
Wara li Adam kiel mis-siġra, il-Mulej Alla sejjaħ lil Adam u staqsieh: «Fejn int?» U dak wieġeb: «Smajt ħossok fil-ġnien u bżajt għax jien għeri, u nħbejt.» U staqsieh: «Min qallek li int għeri? Jaqaw kilt mis-siġra li jien ordnajtlek li ma tikolx minnha?» U wieġeb Adam: «Il-mara li inti tajtni għal miegħi, hi tatni mis-siġra, u jiena kilt.» U l-Mulej Alla qal lill-mara: «X’inhu dan li għamilt?» U l-mara wieġbet: «Is-serp qarraq bija, u jien kilt.»
U l-Mulej Alla qal lis-serp:
«Talli għamilt dan,
misħut int fost il-bhejjem kollha u fost l-annimali selvaġġi!
Għal żaqqek titkaxkar,
u t-trab tal-art tiekol il-jiem kollha ta’ ħajtek.
U jien inqajjem mibegħda bejnek u bejn il-mara, bejn nislek u nisilha,
u hu jisħaqlek rasek
u int tisħaqlu għarqubu.»
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu Ħajr lil Alla
📘 Salm Responsorjali:
R/. Għand il-Mulej hemm it-tjieba, u l-fidwa għandu bil-kotra
(Salm 130: 1-2, 3-4ab, 4ċ-6, 7-8)
Minn qiegħ l-art insejjaħlek, Mulej:
isma’, Sidi, il-leħen
tiegħi! Ħa jkunu widnejk
miftuħa,
jiena u nitolbok bil-ħniena. R/.
Jekk tal-ħtijiet int tagħti kas, Mulej,
Sidi, min jista’ jżomm sħiħ?
Imma għandek hemm il-maħfra,
biex hekk inqimuk fil-biża’ tiegħek. R/.
Jien lill-Mulej nistenna,
ruħi f’kelmtu tittama.
Tistenna ruħi lil Sidi,
aktar milli l-għassiesa s-sebħ. R/.
Jistenna Iżrael lill-Mulej!
Għax għand il-Mulej hemm it-tjieba,
u l-fidwa għandu bil-kotra.
Hu li jifdi lil Iżrael
minn ħtijietu kollha. R/.
📙 It-Tieni Qari:
Qari mill-Ittra ta' San Pawl Appostlu lill-Korintin (2 Korintin 4: 13-18, 5: 1)
Ħuti, billi aħna għandna l-istess spirtu ta’ fidi li fuqu hemm miktub: «Emmint, u għalhekk tkellimt», aħna wkoll emminna, u għalhekk tkellimna; għax nafu li dak li qajjem lill-Mulej Ġesù, lilna wkoll għad iqajjimna flimkien ma’ Ġesù u jressaqna quddiemu flimkien magħkom. Għax dan kollu minħabba fikom, biex il-grazzja tilħaq ħafna bnedmin oħra, u b’hekk jitkattar ir-radd ta’ ħajr, għall-glorja ta’ Alla.
Għalhekk ma naqtgħux qalbna, għax imqar jekk il-bniedem ta’ barra jitħassar, il-bniedem ta’ ġewwa jiġġedded minn jum għal jum. Id-daqsxejn ta’ tbatija tagħna ta’ issa tħejjilna kobor ta’ glorja bla qjies għal dejjem; lilna li ma nħarsux lejn il-ħwejjeġ li jidhru, iżda lejn dawk li ma jidhrux. Dawk li jidhru huma għal żmien qasir, dawk li ma jidhrux huma għal dejjem.
Aħna nafu li jekk din it-tinda tal-għamara tagħna fl-art tiġġarraf, aħna għandna dar oħra, maħduma mhux bl-idejn, imma xogħol ta’ Alla, għal dejjem fis-sema.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu Ħajr lil Alla
📕 L-Evanġelju:
Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mark 3: 20-35)
F’dak iż-żmien, Ġesù, flimkien mad-dixxipli tiegħu, mar id-dar, u l-kotra reġgħet inġemgħet, hekk li anqas biss setgħu jieklu. Qrabatu, malli semgħu, ħarġu biex iżommuh, għax qalu li tilef moħħu. Il-kittieba li kienu niżlu minn Ġerusalemm bdew jgħidu: «Dan għandu fih lil Begħelżebul u bis-saħħa tal-Prinċep tax-xjaten qiegħed ikeċċihom ix-xjaten.»
Hu sejħilhom lejh u beda jkellimhom bil-parabboli: «Kif jista’ x-Xitan ikeċċi x-Xitan? Jekk saltna tinqasam fiha nfisha, dik is-saltna ma tistax iżżomm wieqfa. U jekk familja tinqasam fiha nfisha, dik il-familja ma tistax iżżomm wieqfa. Li kieku mela x-Xitan qam kontra tiegħu nnifsu u nfired, ma kienx jista’ jżomm sħiħ, imma jkun wasal fit-tmiem. Ħadd ma jista’ jidħol fid-dar ta’ wieħed qawwi u jaħtaflu ġidu jekk qabel ma jkunx rabat lil dak il-qawwi; imbagħad id-dar jaħtafhielu żgur.
Tassew ngħidilkom, kollox jinħafrilhom lil ulied il-bniedem, id-dnubiet u d-dagħa kollu li jidgħu. Imma min jieqaf lill-Ispirtu s-Santu ma jkollu qatt maħfra; jibqa’ ħati għal dejjem.» Għax kienu qalu: «Għandu fih spirtu ħażin.»
Darba ġew ommu u ħutu, baqgħu barra u bagħtu jsejħulu. Dak il-ħin kien hemm ħafna nies bilqiegħda madwaru, u qalulu: «Ara, ommok u ħutek qegħdin hemm barra u jriduk.» U hu weġibhom: «Min huma ommi u ħuti?» Imbagħad dawwar ħarstu fuq dawk li kien hemm madwaru bilqiegħda, u qal: «Dawn, ara, huma ommi u ħuti. Kull min jagħmel ir-rieda ta’ Alla, dak huwa ħija, u oħti, u ommi.».
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Comments