top of page

L-Erbatax-il Ħadd ta' Matul is-Sena 🕍

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Jul 3, 2024
  • 2 min read

📗 L-Ewwel Qari: Qari mill-Ktieb tal-Profeta Eżekjel (Eżekjel 2: 2-5)


F’dak iż-żmien, daħal fija l-ispirtu u waqqafni fuq riġlejja; u smajt x’kien qiegħed jgħidli. Qalli: «O bniedem, qiegħed nibagħtek għand ulied Iżrael, ġens ta’ nies rashom iebsa, li rvellaw kontra tiegħi; dinbu kontra tiegħi, huma u missirijiethom sal-lum stess. Huma nies wiċċhom sfiq u qalbhom iebsa. Se nibagħtek għandhom, biex tgħidilhom: “Dan jgħid Sidi l-Mulej.” Jisimgħu u ma jisimgħux - nies ta’ ras iebsa huma – ħa jkunu jafu li hemm profeta f’nofshom.»


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu Ħajr lil Alla



📘 Salm Responsorjali:

R/. Għajnejna lejn il-Mulej, sa ma jkollu ħniena minna (Salm 123: 1-2a, 2bċd, 3-4)


Lejk nerfa’ għajnejja,

int li tgħammar fis-smewwiet.

Ara, bħal għajnejn il-qaddejja

lejn id sidhom; hekk għajnejna lejn il-Mulej. R/.


Bħal għajnejn il-qaddejja lejn id sidtha;

hekk għajnejna lejn il-Mulej, Alla tagħna,

sa ma jkollu ħniena minna. R/.


Ħenn għalina, Mulej, ħenn għalina,

għax mitmugħa sax-xaba’ bit-tagħjir.

Imxebbgħa għall-aħħar ruħna

biż-żebliħ tal-għonja, bit-tagħjir tal-kburin R/.



📙 It-Tieni Qari: Qari mit-Tieni Ittra ta' San Pawl Appostlu lill-Korintin (2 Korintin 12: 7-10)


Ħuti, biex ma mmurx nintefaħ bija nnifsi minħabba fil-kobor tar-rivelazzjonijiet, tqegħditli xewka f’ġismi, messaġġiera tax-Xitan, biex toqgħod tniggiżni ħalli ma nintefaħx.


Fuq hekk tliet darbiet tlabt il-Mulej biex hi titbiegħed minni. Iżda hu weġibni: «Biżżejjed għalik il-grazzja tiegħi; għax il-qawwa tiegħi tidher fl-aqwa tagħha fejn hemm id-dgħajjef.»


Għalhekk niftaħar minn qalbi l-aktar bid-debbulizzi tiegħi biex il-qawwa ta’ Kristu tgħammar fija. Mela bil-qalb kollha nitgħaxxaq bid-debbulizzi tiegħi, bit-tagħjir, bl-għaks, bil-persekuzzjonijiet, bid-dwejjaq minħabba Kristu; għax meta nkun dgħajjef, inkun qawwi.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu Ħajr lil Alla



📕 L-Evanġelju: Qari mill-Evanġelju skont San Mark (Mark 6: 1-6)


F’dak iż-żmien Ġesù mar lejn pajjiżu u d-dixxipli tiegħu marru miegħu.


Meta wasal is-Sibt, daħal jgħallem fis-sinagoga, u l-ħafna li semgħuh bdew jistagħġbu u jgħidu: «Mnejn kisbu dan kollu? U x’inhu dan l-għerf li ngħatalu biex saħansitra qegħdin isiru dawn l-għeġubijiet kbar b’idejh? Dan mhuwiex il-mastrudaxxa bin Marija u ħu Ġakbu u Ġożè u Ġuda u Xmun? U Ħutu l-bniet mhumiex hawn magħna?» U huma skandalizzaw ruħhom minħabba fih.


Qalilhom Ġesù: «Ebda profeta ma hu bla ġieħ jekk mhux f’pajjiżu u fost qrabatu u f’daru stess.» U hemmhekk ma sata’ jagħmel ebda miraklu, ħlief li qiegħed idejh fuq ftit morda u fejjaqhom; u baqa’ mistagħġeb bin-nuqqas ta’ fidi tagħhom.


U mar idur l-irħula ta’ dawk l-inħawi jgħallem


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu



Riflessjoni għat-Tfal




Comments


bottom of page