top of page

L-Erbatax-il Ħadd ta' Matul is-Sena 🌾

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Jul 2
  • 3 min read

Updated: Jul 4


📗 L-Ewwel Qari:

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Iżaija

(Iżaija 66: 10-14ċ)

Ifirħu lil Ġerusalemm, thennew biha,

intom ilkoll ħbieb tagħha!

Aqbżu bil-ferħ,

intom ilkoll li qsamtu swied il-qalb magħha!

Hekk intom terdgħu u tixbgħu

minn sider il-faraġ tagħha;

terdgħu u titgħaxxqu mis-sider mimli tagħha.

Għaliex dan jgħid il-Mulej:

“Arani! Se nifrex fuqha s-sliem bħal xmara,

u bħal xmara tfur il-ġid tal-ġnus.

U intom terdgħu u fuq id-dirgħajn tintrefgħu,

u jżiegħlu bikom fuq l-irkupptejn.

Bħalma omm tfarraġ lil binha,

hekk jiena nfarraġ lilkom

u f’Ġerusalemm titfarrġu.

Taraw u tifraħ qalbkom,

u għadamkom bħal ħaxix iħaddar;

u jagħrfu fil-qaddejja tiegħu id il-Mulej”.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Inroddu Ħajr lil Alla

 

 

📘 Salm Responsorjali:    

R/. Għajtu bil-ferħ lil Alla

(Salm 66: 1-3a, 4-5, 6-7a, 16, 20)

Għajtu bil-ferħ lil Alla,

bnedmin tad-dinja kollha;

għannu s-sebħ ta’ ismu,

xandru s-sebħ u t-tifħir tiegħu.

Għidu lil Alla: “Kemm int tal-biża’ f’għemilek!”. R/.


“L-art kollha tagħtik qima,

tgħannilek u tgħanni lil ismek”.

Ejjew, araw l-għemejjel ta’ Alla;

tal-biża’ f’għemilu fost il-bnedmin. R/.


Biddel il-baħar f’art niexfa,

għaddew bil-mixi minn nofs ix-xmara.

Għalhekk, nifirħu bih!

Hu jsaltan bil-kobor tiegħu għal dejjem! R/.


Ejjew, isimgħu, u ngħidilkom,

intom ilkoll li tibżgħu minn Alla,

ngħidilkom x’għamel miegħi.

Imbierek Alla, li ma warrabx it-talba tiegħi;

ma warrabx minn fuqi t-tjieba tiegħu! R/.

 


📙 It-Tieni Qari:

Għeluq tal-Ittra ta' San Pawl Appostlu lill-Galatin

(Galatin 6: 14-18)

Ħuti, ngħid għalija, ma jkun qatt li niftaħar jekk mhux bis-salib ta’ Sidna Ġesù Kristu, li bih id-dinja hi msallba għalija u jien għad-dinja. Għaliex, biċ-ċirkonċiżjoni jew mingħajrha, xejn ma hemm ta’ siwi, ħlief il-ħolqien ġdid. U dawk kollha li jimxu fuq din ir-regola, is-sliem u l-ħniena fuqhom, u wkoll fuq Iżrael ta’ Alla. Mil-lum ’il quddiem ħadd ma għandu jħabbatni iżjed; jien inġib f’ġismi l-marki ta’ Kristu. Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu tkun magħkom, ħuti. Amen.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Inroddu Ħajr lil Alla

  


📕 Akklamazzjoni Qabel l-Evanġelju:

(Kolossin 3: 15a, 16a)

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Ħalli s-sliem ta’ Kristu jsaltan fi qlubkom;

ħalli l-kelma ta’ Kristu tgħammar sħiħa fikom.

R/. Hallelujah.

 

 

📕 L-Evanġelju:  

Għeluq tal-Evanġelju skont San Luqa

(Luqa 10: 1-12, 17-20)

F’dak iż-żmien, il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu. U qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit! Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu! Morru: araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd.


Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu: ‘Is-sliem lil din id-dar’. U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa’ lura għandkom. Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra. F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom; fejqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom: ‘Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom’. Imma l-belt li fiha tidħlu u ma jilqgħukomx, oħorġu fil-pjazez tagħha u għidu: ‘Sat-trab ta’ beltkom infarfru minn ma’ riġlejna, u nħalluh għalikom. Imma kunu afu dan: is-Saltna ta’ Alla waslet’. Ngħidilkom li dak il-jum ikun eħfef għal Sodoma milli għal dik il-belt”.


It-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana jgħidu: “Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba f’ismek”. U hu qalilhom: “Iva, jien kont narah lix-Xitan jaqa’ bħal berqa mis-sema. Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa tal-għadu u ebda ħsara ma jagħmlulkom. Madankollu mhux b’dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet”.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu


jew il-forma l-qasira


📕 L-Evanġelju:  

Għeluq tal-Evanġelju skont San Luqa

(Luqa 10: 1-9)

F’dak iż-żmien, il-Mulej għażel tnejn u sebgħin oħra u bagħathom tnejn tnejn qablu f’kull belt u post fejn kien se jmur hu. U qalilhom: “Il-ħsad huwa kbir, imma l-ħaddiema ftit! Itolbu mela lil Sid il-ħsad biex jibgħat ħaddiema għall-ħsad tiegħu! Morru: araw, qiegħed nibgħatkom bħal ħrief qalb l-ilpup. Teħdux magħkom la but, la ħorġa u lanqas qrieq, u fit-triq issellmu lil ħadd. Fid-dar fejn tidħlu, l-ewwel għidu: ‘Is-sliem lil din id-dar’. U jekk fiha jkun hemm min iħobb is-sliem, jistrieħ is-sliem tagħkom fuqu; jekk le, it-tislima tagħkom terġa’ lura għandkom. Ibqgħu għand dik il-familja, u kulu u ixorbu milli jkollhom huma, għax il-ħaddiem ħaqqu ħlasu. Toqogħdux idduru minn familja għal oħra. F’kull belt li fiha tmorru u jilqgħukom, kulu dak li jqegħdulkom quddiemkom; fejqu l-morda li jkun hemm; u lin-nies għidulhom: ‘Is-Saltna ta’ Alla waslitilkom’”.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Comments


bottom of page