Kejk Battenberg 🍰
- ghalikukoll
- Jun 20, 2024
- 2 min read

✅ Ingredjenti:
175g dqiq self-raising
175g butir
175g zokkor fin (caster sugar)
3 bajdiet
2 mgħaref ħalib
kulur tal-ikel likwidu, aħmar jew roża
100g ġamm tal-berquq (apricot jam)
400g pastarjali (marzipan)
zokkor tal-ġelu (icing sugar)
📑 Metodu:
Saħħan il-forn għal temperatura ta’ 180°C.
Itwi biċċa foil doppja u poġġiha wieqfa f’nofs landa kwadra ta’ 20 ċm biex tissepara ż-żewġ kuluri tal-kejk; iksi kull parti bil-kartaforn. Tista’ tuża żewġ laned tawwalin tal-istess daqs miksijin bil-kartaforn u taħmi kulur f’kull landa.
Ħabbat flimkien il-butir u z-zokkor sakemm ikollok taħlita ħafifa.
Żid il-bajd waħda waħda flimkien ma’ mgħarfa dqiq kull darba u ħabbat sew wara kull waħda. Daħħal il-kumplament tad-dqiq u l-ħalib bil-mod.
Aqsam it-taħlita fi tnejn u żid il-kulur aħmar jew roża ma’ nofs minnhom. Ħawwad sew sakemm il-kulur jinfirex sew.
Ferra’ t-taħlita ta’ kulur roża f’parti waħda tal-landa ppreparata, u l-kulur l-ieħor fil-parti l-oħra. Jekk huwa possibbli jkun aħjar li persuna oħra tgħinek biex tferrgħu t-taħlitiet fl-istess ħin fil-landa.
Aħmi l-kejk għal 25-30 minuta jew sakemm tara li stikka li ddaħħal f’nofs il-kejk toħroġ nadifa. Ħalli l-kejk jibred fil-landa għal 15-il minuta, imbagħad oħorġu fuq gradilja biex jiksaħ.
Issepara l-kejkijiet minn ma’ xulxin u b’sikkina aqta’ ż-żejjed tal-ġnub biex ikollok trufijiet puliti u ndaqs. Aqsam kull parti fi tnejn għat-tul biex ikollok żewġ strixxi minn kull kulur.
Saħħan il-ġamm tal-berquq u għaddih minn passatur.
Roxx ftit zokkor tal-ġelu fuq il-mejda u iftaħ il-pastarjali daqs it-tul tal-kejk, u ftit aktar minn erba’ darbiet tal-wisa’ tal-kejk.
Idlek il-pastarjali bil-ġamm u fuq it-tarf tat-tul tal-kejk poġġi strixxa kejk bajda u oħra roża ħdejn xulxin. Idlek il-ġnub ta’ bejniethom bil-ġamm biex jeħlu ma’ xulxin.
Issa idlek il-wiċċ taż-żewġ strixxi u fuq kull waħda poġġi strixxa ta’ kulur differenti biex toħloq l-effett taċ-ċangatura. Idlek il-ġnub ta’ bejniethom u l-wiċċ bil-ġamm.
Idlek id-dawra tal-kejk sħiħ bil-ġamm u dawwa bil-mod fil-pastarjali miegħu. Agħfas iż-żewġ trufijiet tal-pastarjali flimkien u aqta’ barra ż-żejjed. Aqta’ ż-żewġ trufijiet lesti tal-kejk biex jidher aktar unit qabel isservi.
Comentários