top of page

It-Trinità Qaddisa ⚜️

  • May 29
  • 2 min read

📗 L-Ewwel Qari:

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu

(Eżodu 34: 4b-6, 8-9)

F’dak iż-żmien, Mosè qam filgħodu kmieni, u tala’ fuq il-muntanja tas-Sinaj, kif kien ordnalu l-Mulej, u ħa f’idejh iż-żewġ twavel tal-ġebel. Imbagħad il-Mulej niżel fi sħaba u waqaf hemm maġenbu; u xandar l-isem tal-Mulej. U l-Mulej għadda minn quddiemu u għajjat: “Jaħweh! Jaħweh! Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u fil-fedeltà”.


Mosè minnufih inxteħet għal wiċċu fl-art, ta qima u qal: “Jekk jien tassew sibt ħniena quddiemek, Sidi, ħa jiġi Sidi ġo nofsna, nitolbok; għax dan hu poplu rasu iebsa. Aħfrilna ħżunitna u ħtijietna, u ħudna b’wirt għalik”.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Inroddu Ħajr lil Alla

 

 

📘 Salm Responsorjali:    

R/. Ta’ min ifaħħrek u jgħollik fuq kollox għal dejjem.

(Danjel 3: 52, 53, 54, 55, 56)

Imbierek int, Mulej, Alla ta’ missirijietna. R/.


Imbierek ismek, qaddis u msebbaħ. R/.


Imbierek int fit-tempju tas-sebħ imqaddes tiegħek. R/.


Imbierek int li qiegħed fuq il-kerubini, li ħarstek tinfed l-abbissi. R/.


Imbierek int fuq it-tron ta’ saltnatek. R/.


Imbierek int fil-wisa’ kollu tas-sema. R/.



📙 It-Tieni Qari:

Għeluq tat-Tieni Ittra ta' San Pawl Appostlu lill-Korintin

(2 Korintin 13: 11-13)

Ħuti, ifirħu, ħabirku għall-perfezzjoni, isimgħu milli wieħed jgħidilkom, kunu ta’ fehma waħda, żommu s-sliem, u Alla tal-imħabba u s-sliem ikun magħkom. Sellmu lil xulxin b’bewsa qaddisa. Il-qaddisin kollha jsellmulkom. Il-grazzja ta’ Sidna Ġesù Kristu, l-imħabba ta’ Alla u l-għaqda fl-Ispirtu s-Santu jkunu magħkom ilkoll.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Inroddu Ħajr lil Alla



📕 Akklamazzjoni Qabel l-Evanġelju:

(Apokalissi 1: 8)

Alleluja R/. Alleluja

Glorja lill-Missier, u lill-Iben, u lill-Ispirtu s-Santu,

lil Alla li hu, u li kien, u li għad irid jiġi.

R/. Alleluja


 

📕 L-Evanġelju:  

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

(Ġwanni 3: 16-18)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lil Nikodemu: “Alla hekk ħabb lid-dinja li ta lil Ibnu l-waħdieni, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem. Għax Alla ma bagħatx lil Ibnu fid-dinja biex jagħmel ħaqq mid-dinja, imma biex id-dinja ssalva permezz tiegħu. Min jemmen fih ma jkunx ikkundannat; iżda min ma jemminx huwa ġa kkundannat, għax ma emminx fl-isem tal-Iben il-waħdieni ta’ Alla”.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Comments


bottom of page