It-Tnejn u Għoxrin Ħadd ta' Matul is-Sena 📏
- ghalikukoll
- Aug 27
- 2 min read

📗 L-Ewwel Qari:
Qari mill-Ktieb ta' Bin Sirak
(Bin Sirak 3: 17-20, 28-29)
Ibni, kun ġwejjed fix-xogħol li tagħmel, u tkun maħbub iktar minn wieħed milqugħ min-nies. Akbar m’int, iktar għandek iċċekken ruħek, u ssib grazzja quddiem il-Mulej. Ħafna huma l-imkabbrin u l-imsebbħin, imma l-Mulej jikxef lill-umli l-misteri tiegħu. Għax kbira hi s-setgħa tal-Mulej, imma hu msebbaħ min-nies umli. M’hemmx duwa għall-bniedem kollu kburija, għax din ħaxixa ħażina b’għeruqha mxenxla fih. Min għandu l-għerf jifhem il-proverbji u l-għaref ħerqan li jkollu min jisimgħu.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Inroddu Ħajr lil Alla
📘 Salm Responsorjali:
R/. O Alla, int ħejjejt dar għall-fqajjar.
(Salm 68: 4-5aċ, 6-7ab, 10-11)
Il-ġusti jithennew quddiem Alla,
jifirħu u jaqbżu bil-ferħ.
Għannu lil Alla, faħħru ismu.
Tgħaxxqu fil-Mulej, aqbżu bil-ferħ quddiemu. R/.
Missier l-iltiema u difensur tar-romol,
hekk hu Alla fl-għamara mqaddsa tiegħu.
Alla jagħti d-dar lil dawk li huma weħidhom,
u lill-ħabsin bir-riżq joħroġhom. R/.
Xita bil-kotra inti bgħatt, o Alla, fuq l-art, wirt tiegħek,
u meta kienet bil-għatx inti ħjejtha.
Il-poplu tiegħek għammar fiha,
fi tjubitek, o Alla, għall-fqajjar ħejjejtha. R/.
📙 It-Tieni Qari:
Qari mill-Ittra lil-Lhud
(Lhud 12: 18-19, 22-24a)
Ħuti, intom ma rsaqtux lejn in-nar materjali u jħeġġeġ tas-Sinaj; lejn dak is-swied u d-dlam u r-riefnu; lejn dak id-daqq ta’ tromba u ħoss ta’ kliem li dawk li kienu jisimgħuh talbu bil-ħerqa biex ma jkellimhomx aktar.
Imma intom ersaqtu lejn il-muntanja ta’ Sijon u lejn il-belt ta’ Alla l-ħaj, li hi Ġerusalemm tas-sema; ersaqtu lejn eluf ta’ anġli f’ġemgħa ferrieħa; lejn il-ġemgħa tal-ulied ewlenin li isimhom hu miktub fis-sema; lejn Alla l-imħallef ta’ kulħadd; lejn l-erwieħ ta’ nies tajba u perfetti; lejn Ġesù l-medjatur ta’ patt ġdid.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Inroddu Ħajr lil Alla
📕 Akklamazzjoni Qabel l-Evanġelju:
(Mattew 11: 29ab)
Hallelujah. R/. Hallelujah.
Ħudu fuqkom il-madmad tiegħi, jgħid il-Mulej,
u tgħallmu minni, għaliex jiena ta’ qalb ħelwa u umli.
R/. Hallelujah.
📕 L-Evanġelju:
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
(Luqa 14: 1, 7-14)
Darba, kien is-Sibt, Ġesù daħal għand wieħed mill-kapijiet tal-Fariżej biex jiekol għandu, u huma qagħdu għajnejhom fih. Billi ra b’għajnejh kif il-mistednin bdew jagħżlu l-postijiet ta’ quddiem fil-mejda, qalilhom din il-parabbola: “Meta wieħed jistiednek għal xi festa ta’ tieġ, tmurx toqgħod fil-post ta’ quddiem, li ma jkunx hemm xi mistieden aqwa minnek, u dak li jkun stieden lilek u lilu jiġi fuqek jgħidlek: ‘Agħti l-post lil dan’, u int imbagħad, b’regħxa ta’ mistħija fuqek, ikollok tieħu l-post tal-aħħar.
Għall-kuntrarju, meta tkun mistieden, mur inxteħet fil-post tal-aħħar, biex meta jiġi dak li stiednek jgħidlek: ‘Ħabib, itla’ f’post aktar ’il fuq’. U dan ikun ta’ ġieħ għalik quddiem dawk kollha li jkunu fil-mejda miegħek. Għax kull min jitkabbar, jiċċekken; u min jiċċekken, jitkabbar”.
Imbagħad qal ukoll lil dak li kien stiednu: “Meta tagħti ikla jew pranzu, tistedinx lil ħbiebek jew lil ħutek jew lil qrabatek, u anqas ġirien għonja, għax għandhom mnejn imbagħad jistiednu lilek huma, u hekk iroddulek il-pjaċir li tkun għamiltilhom. Għall-kuntrarju, meta tagħmel ikla, stieden il-foqra, il-magħtubin, iz-zopop u l-għomja, u hieni int, għax dawn ma għandhomx minn fejn iroddulek pjaċir bi pjaċir, imma jroddhulek Alla meta l-ġusti jqumu għall-ħajja”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Comments