It-Tnejn u Għoxrin Ħadd ta' Matul is-Sena 📜
- ghalikukoll
- Aug 28, 2024
- 3 min read
📗 L-Ewwel Qari:
Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju
(Dewteronomju 4: 1-2, 6-8)
Mosè kellem lill-poplu u qal: “U issa, Iżrael, agħti widen għal-liġijiet u l-ordnijiet li qiegħed ngħallimkom tagħmlu, ħalli tgħixu, u tidħlu tieħdu l-art li se jagħtikom il-Mulej, Alla ta’ missirijietkom.
La żżidu xejn ma’ dak li qiegħed nordnalkom u lanqas tnaqqsu minnu; qisu li tħarsu l-liġijiet tal-Mulej, Alla tagħkom, bħalma qiegħed nagħtihomlkom jien. Ħarsuhom u agħmluhom, għax hekk tidhru għorrief u għaqlin f’għajnejn il-ġnus li, kif jisimgħu b’dawn il-liġijiet kollha, jgħidu: ‘M’hemmx poplu ieħor għaref u għaqli għajr dan il-ġens kbir’.
Għax liema ġens hu hekk kbir li għandu l-allat hekk qrib tiegħu daqskemm hu qrib tagħna l-Mulej, Alla tagħna, kull xħin insejħulu? Jew liema ġens hu hekk kbir li għandu liġijiet u ordnijiet hekk sewwa daqs dak kollu li fiha din il-liġi li qiegħed noffrilkom illum jien?”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu Ħajr lil Alla
📘 Salm Responsorjali:
R/. Mulej, min jgħammar fid-dar tiegħek?
(Salm 15: 2-3a, 3ċd-4ab, 5)
Min jgħix bla ħtija u jagħmel it-tajjeb,
min jgħid is-sewwa f’qalbu;
min ma jqassasx bi lsienu. R/.
Min ma jagħmilx deni lil ġaru,
u ma jgħajjarx lil għajru;
min ma jistmax lill-bniedem ħażin,
imma jweġġaħ lil dawk li jibżgħu mill-Mulej. R/.
Min jislef u ma jitlobx imgħax,
u ma jixxaħħamx kontra min hu bla ħtija.
Min jagħmel dan qatt ma jitħarrek. R/.
📙 It-Tieni Qari:
Qari mill-Ittra ta’ San Ġakbu Appostlu
(Ġakbu 1: 17-18, 21b-22, 27)
Għeżież, kull ħaġa tajba li tingħata u kull don perfett jiġi mis-sema, jinżel mingħand il-Missier, l-għajn tad-dawl, li fih ma hemm ebda tibdil u anqas dell ta’ tidwir. Għax ried hu, wilidna bil-kelma tal-verità, biex inkunu l-ewwel frott tal-ħlejjaq tiegħu. Ilqgħu bil-ħlewwa l-Kelma mħawla fikom, li tista’ ssalvalkom ruħkom. Kunu intom dawk li jagħmlu l-Kelma, u mhux tisimgħuha biss u hekk tqarrqu bikom infuskom. Quddiem Alla u Missierna r-reliġjon ġenwina u bla tebgħa hija din: iżżur l-iltiema u r-romol fl-hemm tagħhom, u żżomm ruħek bla tinġis ’il bogħod mid-dinja.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu Ħajr lil Alla
📕 Akklamazzjoni Qabel l-Evanġelju:
(Ġakbu 1: 18)
Hallelujah. R/. Hallelujah
Għax ried hu, il-Missier wilidna bil-kelma tal-verità,
biex inkunu l-ewwel frott tal-ħlejjaq tiegħu.
R/. Hallelujah
📕 L-Evanġelju:
Qari mill-Evanġelju skont San Mark
(Mark 7: 1-8, 14-15, 21-23)
F’dak iż-żmien, il-Fariżej u xi wħud mill-kittieba li ġew minn Ġerusalemm inġabru ħdejn Ġesù, u raw li xi wħud mid-dixxipli tiegħu kienu qegħdin jieklu b’idejhom mhumiex indaf, jiġifieri mhumiex maħsulin. Għax il-Fariżej, u l-Lhud kollha, biex iħarsu t-tradizzjoni ta’ missirijiethom, ma jmissux ikel qabel ma jkunu ħaslu jdejhom sewwa; hekk ukoll wara li jerġgħu lura mis-suq, ma jiklux jekk ma jinħaslux; u għandhom bosta drawwiet oħra li baqgħu marbutin magħhom minn żmien għal ieħor, bħalma huma l-ħasil tat-tazzi u tal-buqari u tal-ktieli tal-bronż. Mela, il-Fariżej u l-kittieba staqsewh: “Dan l-għala d-dixxipli tiegħek ma jġibux ruħhom skont it-tradizzjoni ta’ missirijiethom, imma jieklu b’idejhom mhumiex indaf?”.
Iżda hu weġibhom: “Sewwa ħabbar Iżaija fuqkom, ja nies ta’ wiċċ b’ieħor, bħalma hu miktub: ‘Dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ, imma qalbhom hija ’l bogħod minni. Fiergħa hi l-qima li jagħtuni; jgħallmu duttrina li mhijiex għajr preċetti tal-bnedmin’. Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin”.
Raġa’ sejjaħ in-nies lejh u qalilhom: “Isimgħuni, intom ilkoll, u ifhmuni! Ma hemm xejn minn barra li meta jidħol fi bniedem itebbgħu; imma dak li joħroġ minn ġol-bniedem, dak hu li jtabba’ lill-bniedem. Għax hu minn ġewwa, mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet il-ħżiena, żína, serq, qtil, adulterju, regħba, ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u bluha. Dal-ħażen kollu minn ġewwa joħroġ u jtabba’ lill-bniedem”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu
Comments