top of page

It-Tmintax-il Ħadd ta' Matul is-Sena 💸

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Jul 30
  • 2 min read

📗 L-Ewwel Qari:

Qari mill-Ktieb ta' Qoħelet

(Qoħelet 1: 2, 2: 21-23)

O frugħa tal-frugħat, jgħid Qoħèlet.

O frugħa tal-frugħat! Kollox frugħa!

Għax dan jiġri: wieħed, li jkun ħadem bl-għaqal u l-ħila u b’suċċess,

ikollu jgħaddi sehmu lil ħaddieħor li xejn ma tħabat għalih.

Dan ukoll frugħa u ħaġa mill-agħar.

Għax x’se jmissu l-bniedem mit-taħbit u l-kedda li jkun ħa taħt ix-xemx?

Għomru kollu jbati u jinħaqar bil-kedda u lanqas billejl ma jserraħ rasu.

Dan ukoll hu frugħa!


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Inroddu Ħajr lil Alla

 

 

📘 Salm Responsorjali:    

R/. Mulej, int kont għalina kenn minn nisel għal nisel.

(Salm 90: 3-4, 5-6, 12-13, 14, 17)

Int traġġa’ l-bnedmin lejn it-trab,

u tgħidilhom: “Erġgħu lura, intom bnedmin!”.

Elf sena huma għalik bħal jum tal-bieraħ li għadda,

jew bħal sahra tal-lejl. R/.


Int taħsadhom, u jsiru bħal ħolma.

Huma bħall-ħaxix li jinbet filgħodu;

filgħodu jwarrad u jħaddar,

filgħaxija jidbiel u jinxef. R/.


Għalhekk għallimna ngħoddu jiem ħajjitna,

sabiex aħna nimxu bil-għaqal.

Dur lejna, Mulej! Kemm se ddum?

Ħenn għall-qaddejja tiegħek! R/.


Imliena kmieni bit-tjieba tiegħek,

biex nifirħu u nithennew ħajjitna kollha.

Ħa tkun fuqna l-grazzja ta’ Alla Sidna!

Wettqilna inti x-xogħol ta’ jdejna,

wettaq, iva, xogħol idejna. R/.

 


📙 It-Tieni Qari:

Qari mill-Ittra ta' San Pawl Appostlu lill-Kolossin

(Kolossin 3: 1-5, 9-11)

Ħuti, jekk intom irxuxtajtu ma’ Kristu, fittxu l-ħwejjeġ tas-sema, fejn Kristu qiegħed fuq il-lemin ta’ Alla. Aħsbu fil-ħwejjeġ tas-sema, mhux f’dawk tal-art. Għax intom mittu, imma ħajjitkom hi moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla. Meta jidher Kristu, li hu l-ħajja tagħkom, imbagħad intom ukoll tidhru flimkien miegħu fil-glorja. Mewtu ġo fikom dak kollu li hu tal-art: żína, faħx, ġibdiet, xewqat ħżiena, u r-regħba li hi idolatrija. Tigdbux lil xulxin, intom li nżajtu l-bniedem il-qadim bl-għemil kollu tiegħu, u lbistu l-bniedem il-ġdid, li jiġġedded dejjem skont ix-xbieha ta’ min ħalqu, u jikber fl-għerf. Fih ma hemmx Grieg jew Lhudi, ċirkonċiż jew mhux, Barbaru jew Skita, ilsir jew ħieles, iżda Kristu f’kollox u f’kulħadd.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Inroddu Ħajr lil Alla

  


📕 Akklamazzjoni Qabel l-Evanġelju:

(Mattew 5: 3)

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Henjin il-foqra fl-ispirtu,

għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

R/. Hallelujah.

 

 

📕 L-Evanġelju:  

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

(Luqa 12: 13-21)

F’dak iż-żmien, xi ħadd mill-folla qal lil Ġesù: “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam il-wirt miegħi”. Wieġbu Ġesù: “Ħabib, min qegħedni mħallef fuqkom, jew qabbadni nqassmilkom il-ġid bejnietkom?”. Imbagħad qal lin-nies: “Iftħu għajnejkom u ħarsu rwieħkom minn kull regħba, għax imqar jekk wieħed ikollu bir-radam, ħajtu ma tiddependix mill-ġid li jkollu”.


U qalilhom parabbola: “Wieħed raġel għani ġabar kotra ta’ frott mir-raba’ tiegħu. U beda jaħseb u jgħid bejnu u bejn ruħu: ‘X’se nagħmel? Għax dan il-frott kollu ma għandix fejn naħżnu! Ara x’nagħmel’, qal, “inħott l-imħażen li għandi u nibni oħrajn akbar, u naħżen fihom il-qamħ u l-ġid kollu li għandi. Imbagħad ngħid lili nnifsi: Ruħi, għandek ħażna kbira ta’ ġid għal bosta snin; mela strieħ, kul, ixrob, ixxala!’. Iżda qallu Alla: ‘Iblah li int! Dan il-lejl stess jitolbuk ruħek lura. U l-ħwejjeġ li ħejjejt għalik, ta’ min ikunu?’. Hekk jiġrilu min jiġma’ l-ġid għalih innifsu bla ma jistagħna quddiem Alla”.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Comments


bottom of page