top of page

It-Tmienja u Għoxrin Ħadd ta' Matul is-Sena 👨‍⚕️

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Oct 8
  • 2 min read

Updated: Oct 18


📗 L-Ewwel Qari:

Qari mit-Tieni Ktieb tas-Slaten

(2 Slaten 5: 14-17)

F’dak iż-żmien, Nagħman, il-kmandant tal-eżerċtu tas-Sultan ta’ Aram, niżel fil-Ġordan, u għodos seba’ darbiet, bħalma qallu Eliżew, il-bniedem ta’ Alla, u ġismu raġa’ sarlu qisu l-ġisem ta’ tfajjel żagħżugħ, u ndaf mil-lebbra tiegħu. U raġa’ lura għand Eliżew, il-bniedem ta’ Alla, hu u kull min kellu miegħu; daħal, waqaf quddiemu u qallu: “Ara, issa naf, iva, li ma hemmx Alla ieħor fid-dinja kollha, ħlief f’Iżrael. Ilqa’, nitolbok, dan ir-rigal mingħand il-qaddej tiegħek”.


U qallu Eliżew: “Daqskemm hu ħaj il-Mulej li lilu naqdi, jien ma nieħu xejn”. U ma ħadhulux, għad li l-ieħor issikkah ħafna. Għalhekk Nagħman qallu: “La ma tridx, nitolbok li tingħata lill-qaddej tiegħek tagħbija ta’ żewġ bgħula ħamrija; għax il-qaddej tiegħek mhuwiex se jagħmel iżjed sagrifiċċji tal-ħruq u offerti lil allat oħra, jekk mhux lill-Mulej”.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Inroddu Ħajr lil Alla

 

 

📘 Salm Responsorjali:    

R/. Il-Mulej għarraf is-salvazzjoni lill-ġnus.

(Salm 98: 1, 2-3ab, 3ċd-4)

Għannu lill-Mulej għanja ġdida,

għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb.

Ġibitlu r-rebħa l-leminija tiegħu,

u d-driegħ imqaddes tiegħu. R/.


Għarraf il-Mulej is-salvazzjoni tiegħu,

f’għajnejn il-ġnus wera l-ġustizzja tiegħu.

Ftakar fit-tjieba u l-fedeltà tiegħu

mal-poplu ta’ Iżrael. R/.


L-art kollha, minn tarf għall-ieħor,

rat is-salvazzjoni ta’ Alla tagħna.

Għajtu bil-ferħ lill-Mulej fl-art kollha,

infexxu fil-hena, ifirħu u għannu! R/.

 


📙 It-Tieni Qari:

Qari mit-Tieni Ittra ta' San Pawl Appostlu lil Timotju

(2 Timotju 2: 8-13)

Għażiż, ftakar f’Ġesù Kristu, li qam mill-imwiet, li hu min-nisel ta’ David, skont l-Evanġelju li ħabbart jien. Għalih jien qiegħed inbati sa l-irbit tal-ktajjen bħallikieku għamilt xi delitt. Imma l-kelma ta’ Alla mhijiex marbuta! Għalhekk kollox nieħu bis-sabar għall-imħabba ta’ dawk li Alla għażel, biex huma wkoll jiksbu s-salvazzjoni, li hi ta’ glorja għal dejjem fi Kristu Ġesù.


Din hi kelma ta’ min joqgħod fuqha: Jekk aħna mitna miegħu, għad ngħixu miegħu wkoll; jekk insofru bis-sabar, għad insaltnu miegħu wkoll; jekk niċħduh, jiċħadna hu wkoll; jekk nonqsu mill-kelma li tajna, hu jibqa’ jżomm kelmtu; għax hu ma jistax iqarraq bih innifsu.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Inroddu Ħajr lil Alla

  


📕 Akklamazzjoni Qabel l-Evanġelju:

(1 Tessalonkin 5: 18)

Hallelujah. R/. Hallelujah.

Iżżu ħajr lil Alla f’kollox.

Dan hu li jrid Alla mingħandkom fi Kristu Ġesù.

R/. Hallelujah.

 

 

📕 L-Evanġelju:  

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

(Luqa 17: 11-19)

Ġara li huwa u sejjer lejn Ġerusalemm, Ġesù għadda minn bejn is-Samarija u l-Galilija. Kif kien dieħel f’raħal, iltaqgħu miegħu għaxart irġiel morda bil-lebbra. Waqfu ’l bogħod minnu, għollew leħinhom u qalulu: “Ġesù, mgħallem, ikollok ħniena minna!”. Kif rahom, qalilhom: “Morru uru rwieħkom lill-qassisin”. U ġara li, huma u sejrin, fiequ mill-marda tagħhom. Wieħed minnhom, kif ra ruħu mfejjaq, raġa’ lura jgħajjat u jfaħħar lil Alla, inxteħet wiċċu fl-art f’riġlejn Ġesù u raddlu ħajr. Issa dan kien Samaritan. U Ġesù qabad u qal: “Mhux l-għaxra fiequ mil-lebbra? Fejn huma d-disgħa l-oħra? Ma kien hemm ħadd minnhom li raġa’ lura biex jagħti glorja lil Alla ħlief dan il-barrani?”. Imbagħad qallu: “Qum, mur; il-fidi tiegħek salvatek”.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu


Comments


bottom of page