top of page

It-Tmien Ħadd ta' Matul is-Sena 🤔

  • Writer: ghalikukoll
    ghalikukoll
  • Feb 26
  • 2 min read

📗 L-Ewwel Qari:

Qari mill-Ktieb ta' Bin Sirak

(Sirak 27: 5-8)

Meta jheżżu għarbiel jibqa’ fih l-iskart,

hekk ukoll min jgħarbel lilu nnifsu jagħraf ħżunitu.

Il-forn jgħaddi mill-prova xogħol il-fuħħari,

hekk ukoll bniedem tagħrfu minn kliemu.

Il-frott jikxef kemm bidwi jkun ħa ħsieb is-siġra,

hekk ukoll kelma tikxef ħsieb qalb il-bniedem.

Tfaħħarx bniedem qabel jitkellem,

għax hekk jiġu ppruvati n-nies.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu Ħajr lil Alla

 

 

📘 Salm Responsorjali:    

R/. Tajjeb li nfaħħru l-Mulej.

(Salm 92: 2-3, 13-14, 15-16)

Tajjeb li nfaħħru l-Mulej,

li ngħannu lil ismek, inti l-Għoli.

Inxandru filgħodu t-tjieba tiegħek,

u billejl il-fedeltà tiegħek. R/.


Il-bniedem ġust bħall-palma jħaddar,

bħal ċedru tal-Libanu jikber.

Imħawlin f’dar il-Mulej,

iħaddru fil-btieħi tat-tempju ta’ Alla tagħna. R/.


Sa fi xjuħithom il-frott jagħmlu,

kollhom ħajja u ħdura,

biex ixandru li ġust hu l-Mulej, blata tiegħi,

u ebda qerq ma jinsab fih. R/.

 

 

📙 It-Tieni Qari:

Qari mill-Ewwel Ittra ta’ San Pawl Appostlu lill-Korintin

(1 Korintin 15: 54-58)

Ħuti, meta dak li jitħassar jilbes in-nuqqas ta’ taħsir, meta dak li jmut jilbes l-immortalità, imbagħad iseħħ dak li hemm miktub:Inbelgħet il-mewt fir-rebħa.Fejn hi, ja Mewt, ir-rebħa tiegħek?Fejn hi, ja Mewt, in-niggieża tiegħek?In-niggieża tal-mewt hi d-dnub, u l-qawwa tad-dnub hi l-Liġi.Niżżu ħajr lil Alla li tana r-rebħa permezz ta’ Sidna Ġesù Kristu!


Għalhekk, ħuti għeżież, żommu sħiħ, titħarrkux; ħabirku dejjem fil-ħidma tal-Mulej. Kunu afu li l-ħidma tagħkom fil-Mulej mhijiex għalxejn.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu Ħajr lil Alla

  


📕 Akklamazzjoni Qabel l-Evanġelju:

(Filippin 2: 15d, 16a)

Hallelujah. R/. Hallelujah

Intom għandkom tiddu fid-dinja bħal kwiekeb u żżommu sħiħ il-kelma tal-ħajja

R/. Hallelujah

 

 

📕 L-Evanġelju:  

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

(Luqa 6: 39-45)

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli din il-parabbola: “Jista’ agħma jmexxi agħma ieħor? Mhux it-tnejn jaqgħu fil-ħofra? Id-dixxiplu mhuwiex aqwa mill-imgħallem tiegħu; imma kull min itemm it-taħriġ tiegħu jsir bħall-imgħallem tiegħu. Għax tara t-tibna f’għajn ħuk, u ma tarax it-travu li għandek f’għajnek int? Kif tista’ tgħidlu lil ħuk: ‘Ħi, ejja nneħħilek it-tibna li għandek f’għajnek’, meta m’intix tara t-travu li għandek f’għajnek int? Ja wiċċ b’ieħor! Neħħi l-ewwel it-travu minn għajnek int, ħalli mbagħad tara sewwa kif tneħħi t-tibna minn għajn ħuk. Ma hemmx siġra tajba li tagħmel frott ħażin, kif anqas ma hemm siġra ħażina li tagħmel frott tajjeb. Kull siġra mill-frott tagħha tingħaraf. Ħadd ma jiġbor it-tin mix-xewk, anqas l-għeneb mill-għolliq. Il-bniedem tajjeb mit-teżor tajjeb ta’ qalbu joħroġ it-tajjeb, u l-bniedem ħażin mit-teżor ħażin tiegħu joħroġ il-ħażin, għax mill-abbundanza tal-qalb jitkellem il-fomm”.


Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

Comments


bottom of page